Għada fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, Gladiators Promotions se ttella’ s-serata Gladiators Fight Night XXIII, avveniment li daħal fil-kalendarju tal-kickboxing lokali. Mistenni lejl interessanti b’total ta’ 16-il ġlieda kickboxing kif ukoll K1. Illum, l-atleti ntiżnu biex kien hemm il-konferma tal-kategoriji rispettivi.
L-udjenza preżenti ser tkun tassisti għal tlett bouts għal titli differenti. Keith ‘Speed’ Azzopardi ser ikun qiegħed jikkompeti għal titlu mondjali ieħor kontra l-atleta Qurban Hosseini għaċ-ċintorin WKN PRO K1 World Title Belt. Ġlieda bħal din mistennija tkun twila ħames rawnds ta’ tliet minuti kull wieħed u ser ikunu qegħdin jiġġieldu fil-kategorija tas-60 kilogramm.
Jaid Agius u Julian Mangion ser ikunu qed iħabbtuha għal Malta Kickboxing Association Title Belt fi ġlieda ta’ ħames rawnds ta’ żewġ minuti kull wieħed fil-kategorija tal-65 kilogramm.
Diane Schembri ser tkun qed tiġġieled kontra l-Ġermaniża Pia Peters għat-titlu WKN K1 AM/PRO European Title Belt. Din il-bout mistennija tkun twila erba’ rawnds ta’ żewġ minuti kull wieħed u ser ikunu qed jissieltu fil-kategorija tas-57 kilogramm.
Rappreżentant mill-World Kickboxing Network ser ikun qiegħed jattendi din is-serata sabiex jipprempja r-rebbieħa ta’ dawn it-titli msemmija. Ta’ min jgħid li atleti rinomati Maltin ser ikunu qed jieħdu sehem f’din is-serata fejn ser jirrappreżentaw lil pajjiżna kontra ġellieda mill-Italja u l-Iżvezja.
Il-bibien ser ikunu miftuħa għan-nies fis-sebgħa ta’ filgħaxija u l-ewwel ġlieda mistennija tibda għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mingħand il-kompetituri u l-klabbs rispettivi tagħhom.
//= $special ?>