Lokali

L-ewwel network biex ikun vuċi ewlenija għat-tfal

13-il organizzazzjoni li jaħdmu mat-tfal ingħaqdu flimkien f’network wieħed biex iservi ta’ vuċi ewlenija għat-tfal u biex jiżgura li d-drittijiet tagħhom jiġu mħaddna fil-Liġi.

Bl-isem The Malta Children’s Associations Network (MaltaCAN), dan hu l-ewwel network ta’ dan it-tip f’Malta, bit-tama li jinfetħu possibbilitajiet ġodda għall-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal fil-livell lokali.

L-għan prinċipali tan-Network hu li jagħti aktar viżibbiltà lejn fehma aħjar tad-drittijiet tat-tfal, li l-importanza tagħhom hi vasta. Hu għalhekk li n-Network ilaqqa’ fi ħdanu numru ta’ organizzazzjonijiet, bl-interess prinċipali jkun il-benesseru tat-tfal.

In-Network qed jiġi mgħejjun mill-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħames anniversarju tagħha. Il-ħidma tan-Network hi konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tat-Tfal u se tagħti prijorità lill-parteċipazzjoni tat-tfal b’approċċ integrattiv u kollaborattiv.

Din il-pjattaforma kienet xprunata mill-President tal-Eurochild Marie Louise Coleiro Preca, li fit-tnedija tagħha, qalet li temmen bis-sħiħ li l-MaltaCAN hu pass ‘il quddiem fid-direzzjoni t-tajba biex niżguraw li t-tfal isiru verament kontributuri għas-soċjetà tagħna kif jistħoqilhom.

NGOs interessati li jixtiequ jingħaqdu mal-MaltaCAN jistgħu jagħmlu kuntatt b’email jew fuq Facebook.