Lokali

L-MDP ma tiċħadx li se jogħla l-ħalib

Net News jinsab infurmat li fil-jiem li ġejjin, il-ħalib se jkun qed jogħla, u talbiet lill-Malta Dairy Products biex jiċħdu dan il-fatt baqgħu mhux imwieġba.

Din l-informazzjoni waslet għandna minn diversi sorsi ta’ min jorbot fuqhom li qalulna wkoll li l-prezz tal-ħalib lactose free, li huwa ta’ €1.10, se jibqa’ l-istess.

Net News fl-aħħar jiem għamel kuntatt mal-Malta Dairy Products dwar dan, kemm permezz ta’ telefonati kif ukoll permezz ta’ emails, saħansitra direttament mas-CEO tal-KPH u tal-Benna Robert Cauchi. Madankollu minkejja l-ħafna tentattivi biex iwaqqfuna milli nippubblikaw din l-istorja, l-MDP naqset milli tagħtina konferma li dan mhux se jseħħ u minflok qagħdet tilgħab bil-kliem.

Ftit tax-xhur ilu, preċiżament f’Ottubru, il-Benna għolliet il-prezzijiet tal-prodotti kollha tal-ħalib, jiġifieri, il-yoghurts, il-krema, l-irkotta, il-ġbejniet, il-butir u l-mozzarella.

Il-yogurts żdiedu b’5 ċenteżmi, l-irkotta rat żieda ta’ 30 ċenteżmu fuq kull kilo, il-mozzarella għoliet b’34 ċenteżmu, il-ġbejniet niexfa għolew b’€1.60 kull kilo u l-ġbejniet friski b’5 ċenteżmi il waħda. Il-butir għola b’44 ċenteżmu il pakkett.

Sa issa jidher li minn dawn iż-żidiet ma ħadu l-ebda porzjon minnhom ir-raħħala, li għadhom jitħallsu l-istess prezz tal-ħalib li jissupplixxu.

Mhux magħruf jekk iż-żieda fil-prezz tal-ħalib hux se jkunu qed jibbenefikaw minnha dawn ir-raħħala.