Sport Sport Ieħor

Lorenzo jweġġa’ serjament u se jitlef il-Grand Prix tal-Olanda

Jorge Lorenzo se jitlef il-Grand Prix tal-Olanda wara li ttieħed l-isptar kawża ta’ ħabta fis-sessjoni ta’ prattika fiċ-ċirkwit ta’ Assen. It-tobba tal-Moto GP irrappurtaw li t-tliet darbiet rebbieħ sofra minn ksur f’parti mill-ispina ta’ dahru.

Id-Direttur Mediku tal-Moto GP Angel Charte qal li s-sewwieq se jkun trasferit lejn Barcelona għal aktar testijiet. Din mhux l-ewwel darba li Lorenzo kien involut f’aċċident wara li s-sena ħabat u saħansitra tilef erbat itlielaq.

“L-ewwel ħsibijiet tagħna huma li mhux se jkun hemm bżonn operazzjoni iżda ma nistgħux inkunu nafu qabel ikollna l-MRI. Bħalissa, Lorenzo hu stabbli għalkemm jinsab muġugħ u ma jistax jiċċaqlaq,” qal Charte lis-sit uffiċjali tal-Moto GP.

Fil-klassifika ġenerali, Lorenzo jinsab fil-15-il post wara li spiċċa barra mit-tellieqa fi Spanja f’inċident li spiċċaw diversi sewwieqa barra fosthom Andrea Dovizioso u Valentino Rossi. Hu għandu 19-il punt wara seba’ tlielaq filwaqt li sieħbu fit-tim ta’ Honda u ċ-champion renjanti Marc Marquez jinsab fuq quddiem b’140 punt.

Tags