Futbol Sport

Milan esklużi mill-Europa League tal-istaġun li ġej

Milan kisru r-regoli tal-Financial Fair Play

Milan mhux se jkunu qed jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Europa League wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport. Dan minħabba ksur fil-Financial Fair Play bi żbilanċ finanzjarju fit-tliet snin bejn l-2014 u l-2017 kif ukoll bejn l-2015 u l-2018. Milan temmew il-kampjonat tas-Serie A fil-ħames post u posthom se jittieħed minn Roma li se jidħlu direttament fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League, b’Torino jidħlu fil-fażi preliminari tal-kompetizzjoni.

Fis-sajf li għadda, il-UEFA kienet tat sospensjoni ta’ sentejn lil Milan iżda l-klabb kien appella b’suċċess is-sanzjoni fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport, sakemm Milan reġgħu kien referuti lejn is-sezzjoni finanzjarja tal-UEFA f’April. Fir-regoli tal-UEFA, il-klabbs mhux permessi li jagħmlu telf ta’ €30 miljun fuq tliet staġuni.

Milan kien irnexxielhom jipperswadu l-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport li l-finanzi kienu se jitjiebu taħt it-tmexxija tal-kumpanija Amerikana Elliott Management Corporation, li ħadu t-tmexxija tal-klabb is-sajf li għadda wara li l-eks sid Yonghong Li falla pagament fuq self li kien ħa meta xtara l-klabb fl-2017.

Id-deċiżjoni tal-CAS tathom sa Ġunju tal-2021 biex jibbilanċjaw il-kotba finanzjarji tagħhom jew jirċievu sospensjoni awtomatika ta’ sena mill-futbol Ewropew. Minħabba li kisru l-Financial Fair Play għat-tieni darba u setgħu jkunu sospiżi sentejn mill-kompetizzjonijiet Ewropej, Milan qablu li jservu sospensjoni ta’ sena issa u jirranġaw is-sitwazzjoni finanzjarja.

Tags