Lokali

Se nitilfu lsien pajjiżna?

Mhux accettabbli li ninsabu f’sitwazzjoni fejn persuna Maltija ma tistax tinqeda bil-lingwa tagħha, f’pajjiżna stess. Sostna dan il-kittieb Trevor Zahra meta kien mistieden waqt il-programm Net Live.

Ftit tal-granet ilu, permezz ta’ post fuq Facebook, Trevor Zahra qal li ma jistax ikun li meta persuna għandha bżonn l-għajnuna fl-Isptar, mhux biss ma tistax tikkomunika bil-Malti, iżda ħaddiema barranin qajla jifhmu bl-Ingliż. Din is-sitwazzjoni qed tinqala wkoll fi djar tal-anzjani, lukandi u ristoranti.

Kompla li għadna mhux qed nirrealizzaw kemm hi gravi l-problema u li ninsabu f’sitwazzjoni li nitilfu l-ilsien Malti. Trevor Zahra tenna li l-lingwa hu parti mill-identita’ u l-kultura ta’ kull pajjiż.

Hu qal li l-problema qed tibda mill-iskejjel fejn minħabba tfal barranin, l-iskejjel mhux qed jikkomunikaw bil-Malti iżda bl-Ingliż u se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-Malti ma jibqax jintuża.

Trevor Zahra qal li fil-fehma tieghu dan hu żbaljat, għaliex it-tfal, speċjalment tfal żgħar, għandhom kapaċita’ kbir li jitgħallmu u jassorbu lingwi ġodda.

Trevor Zahra qal li lingwa tibda tmut meta ma tibqax tintuża. Dan jgħodd mhux biss għal meta nitkellmu ma’ barranin iżda anki mill-Maltin bejniethom fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol u ta’ divertiment. Hu jaħseb li għad m’hemmx il-kuxjenza ta’ kemm hi gravi l-problema u l-bidu tas-soluzzjoni hi li jkun hemm rikonoxximent tal-problema u rieda biex din tissolva.