Sport Waterpolo

Stevie Camilleri konfermat ma’ Roma u Jordan Camilleri jiddeċiedi li jtemm l-esperjenza

(Ritratti: Marco D'Alo, Simone Dainelli)

Stevie Camilleri se jkun qed jilgħab it-tielet staġun tiegħu ma’ Roma wara li kkonkluda staġun ieħor mill-aqwa, iżda Jordan Camilleri għażel b’xewqa tiegħu li jirritorna f’pajjiżna biex b’hekk temm sena fl-ogħla diviżjoni Taljana li wkoll kienet ta’ suċċess għalih.

Camilleri ngħaqad ma’ Roma f’Settembru tal-2017 meta t-tim kien għadu fis-Serie A2. Hu kellu staġun mill-aqwa fejn spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat b’66 gowl minn 22 logħba, b’Roma jiksbu l-promozzjoni mat-tielet tentattiv tagħhom.

L-istaġun li għadda, Camilleri kien is-sitt l-aqwa skorer fil-kamponat A1 u reġa’ kien l-aqwa skorer ta’ Roma bi 53 gowl, b’Roma jispiċċaw fis-sitt post minn 14-il tim. Dan minbarra gowls f’kompetizzjonijiet oħra għal total ta’ 125 gowl f’sentejn. Id-Direttur Sportiv ta’ Roma Massimiliano Fabbri qal li biex intlaħaq ftehim ma’ Camilleri kien sempliċi għaliex kien hemm ix-xewqa taż-żewġ naħat li jkomplu din l-esperjenza.

Jordan Camilleri se jkun qed jirritorna f’pajjiżna hekk kif temm l-esperjenza ta’ sena bħala plejer professjonali ma’ Roma Nuoto. Id-deċiżjoni kienet kollha ta’ Camilleri għal raġunijiet familjari kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ xogħol. Il-klabb ta’ Roma jipprova jagħmel minn kollox biex iżomm lid-difensur Malti għal staġun ieħor u żgur li jekk ikun hemm possibbiltà li l-plejer ta’ 27 sena jirritorna, il-bieb ta’ Roma se jkun miftuħ għalih.

Il-President ta’ Roma Nicolò Cristofaro rringrazzja lil Camilleri tal-professjonalità u l-impenn tiegħu fl-istaġun. Hu faħħar il-kwalitajiet tekniċi u umani tiegħu u rringrazzja lill-President tal-ASA Joe Caruana Curran tal-kontribut determinanti biex Jordan Camilleri seta’ jilgħab fl-Italja. Minkejja li l-pożizzjoni li jilgħab fiha, Camilleri skorja 11-il gowl fil-kampjonat.