Tħabbret il-mewt tal-eks Deputat Nazzjonalista Għawdxi Louis Refalo fl-eta’ ta’ 69 sena. Louis Refalo kien serva fil-Parlament fi tliet leġislaturi, fil-Ħames Leġislatura (1982 – 1987), is-Sitt Leġislatura (1987 – 1992) u s-Seba’ Leġislatura (1992-1996).
Mix-Xagħra, Għawdex, Louis Refalo jiġi iben Carmelo Refalo, li wkoll kien Deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Għawdex li serva fl-ewwel żewġ leġislaturi tal-Parlament mill-Indipendenza (1962-1966) (1966-1971)
Fost l-ewwel li sellmu l-memorja ta’ Louis Refalo kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said. Fuq Facebook, Chris Said qal li
Ghawdex illum “tilef wieħed minn uliedu li tah servizz bħala rappreżentant tiegħu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bla ma ppretenda xejn lura”
Louis Refalo kien miżżewweġ lil Maria u kellhom żewġ ulied.
Il-PN isellem il-memorja ta’ Louis Refalo
Fi stqarrija iffirmata mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-eks Deputat Għawdxi.
Refalo se jibqa’ imfakkar bħala ġentlom u umli li dejjem kien lest li jagħti servizz lill-poplu bi tbissima. Huwa ħadem bla heda għall-aħjar interessi ta’ Għawdex u tal-Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi lil martu, uliedu, l-familja u l-qraba.
//= $special ?>