Internazzjonali

Arrestata l-kaptan tas-Sea Watch 3

Il-kaptan tal-bastiment Sea Watch, Carola Rackete, ġiet arrestata mill-awtoritajiet Taljani u issa qed tirriskja sentenza ta’ ħabs li tvarja bejn it-tlieta u l-għaxar snin ħabs.

Is-sitwazzjoni eskalat wara li s-Sea Watch 3 kien ilu sa mit-12 ta’ Ġunju barra Lampedusa, imblukkat milli jidħol fil-port wara li l-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini għalaq il-portijiet.

Madankollu Rackete ħadet id-deċiżjoni li tinjora din l-ordni u bdiet tersaq lejn il-port. Kien hawn li l-armata Taljana bagħtet patrol boat biex timpedilha milli tagħmel dan.

Minkejja dan, il-bastiment Sea Watch baqa’ dieħel lejn il-port bil-konsegwenza li f’ħin minnhom il-patrol boat Taljana spiċċat maqbuda bejn il-bastiment u l-moll u saritilha l-ħsara.

Konsegwenza ta’ dan, il-kaptan Ġermaniża mistennija tiġi akkużata b’diversi reati fosthom li ffavorixxiet ill-immigrazzjoni klandestina, li injorat ordnijiet tal-armata Taljana kif ukoll li ppruvat tgħarraq il-patrol boat tal-armata.

Fid-dawl ta’ dan Salvini ddeskriva l-bastiment Sea Watch bħala bastiment pirata u wiegħed li l-awtoritajiet Taljani se jimponu l-ogħla multa possibbli fuq l-għaqda mhux governattiva l itmexxieh.

Sadattant l-40 immigrant li kien għad fadal abbord is-Sea Watch ittieħdu lejn ċentru apposta fost xeni kommoventi tagħhom ibusu l-art jew jgħannqu lill-crew tal-bastiment. Dan wara li fl-aħħar jiem tlettax oħra kienu diġa ttieħdu lejn l-Italja minħaba li kellhom bżonn kura medika.

Skont Matteo Salvini, l-immigranti kollha li tniżżlu f’Lampedusa se jinqasmu bejn ħames pajjiżi, waqt li l-bastiment ħalla l-port immedjatament wara.Il-Ġimgħa filgħaxija, ħames membri tal-Parlament Taljan saħansitra telgħu abbord il-bastiment u wegħdu li se jibqgħu fuqu sakemm l-immigranti jitniżżlu l-art. Dan bħala messaġġ ta’ solidarjetà magħhom imma wkoll frott in-nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni ta’ Salvini.