Formula 1 Sport

Charles Leclerc jikseb it-tieni pole position fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Charles Leclerc kiseb it-tieni pole position fil-karriera tiegħu meta għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali qabel il-Grand Prix tal-Awstrija. Leclerc għamel ħin impressjonanti ta’ 1:03.003 li hu rekord taċ-ċirkwit. Din hi l-ewwel pole position għal Ferrari fl-Awstrija mill-2003 meta dakinhar kien il-Ġermaniż Michael Schumacher li kien għamel l-aħjar ħin.

Iċ-champion tad-dinja Lewis Hamilton sa issa se jibda fl-ewwel filliera meta kiseb it-tieni post. Iżda hu jinsab għaddej minn taħt investigazzjoni mill-istewards hekk kif Kimi Raikkonen ħass li kien blokkat mill-istess Lewis Hamilton waqt l-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni.

Jekk jingħata penalità, Max Verstappen tar-Red Bull jibda fl-ewwel filliera wara li għamel it-tielet l-aħjar ħin, kważi 0.1 ta’ sekonda aktar veloċi minn Valtteri Bottas tal-Mercedes. Ikomplu d-diżappunti għal Sebastian Vettel, bis-sewwieq Ġermaniż ma jagħmilx ħin fit-tielet fażi minħabba problema fil-pressjoni tal-arja lejn il-magna.

Riżultat pożittiv għal Kevin Magnussen għal Haas bil-ħames post filwaqt li ż-żagħżugħ Lando Norris se jibda wkoll mit-tielet filliera fuq McLaren. Ir-raba’ filliera hi kollha ta’ Alfa Romeo b’Kimi Raikkonen jikseb is-seba’ post qabel Antonio Giovinazzi u Pierre Gasly tar-Red Bull li kompla jiddiżappunta bid-disa’ post.