Hibernians għamlu akkwist importanti hekk kif ħabbru li akkwist lil Jens Wemmer. Il-Ġermaniż kien wera x-xewqa li jibqa’ jilgħab f’pajjiżna wara li l-istaġun li għadda kien wieħed mill-aktar plejers importanti ta’ Tarxien Rainbows. Fil-karriera tiegħu, il-plejer ta’ 33 sena lagħab fil-Bundesliga ma’ SC Paderborn u jista’ jilgħab kemm bħala difensur kif ukoll bħala midfielder. Qabel ingħaqad mat-Tarxiniżi, Wemmer kien jilgħab ma’ Panathinaikos fil-Greċja.
BIRKIRKARA – Birkirkara ħabbru l-akkwist ta’ Renato Goncalves De Lima li ffirma kuntratt ta’ sentejn. Il-Brażiljan magħruf aħjar bħala Renatinho se jkun qed jilgħab għall-ewwel darba f’pajjiżna. Il-plejer ta’ 27 sena lagħab ħafna mill-karriera fil-Brażil, b’eċċezzjoni għal esperjenza fil-Kuwait. Hu sar il-ħames akkwist ta’ Birkirkara f’dan is-sajf wara Enrico Pepe, Miguel Alba, Roderick Briffa u Isaac N’tow.

FLORIANA – Il-midfielder ċentrali ta’ 16-il sena Leo Agius ġie offrut kuntratt professjonali mill-klabb Belġjan KVC Westerlo. Waħda mir-raġunijiet għaliex Agius għażel lil dan il-klabb kien minħabba li Westerlo huma meqjusa fost l-aqwa akkademji fil-Belġju.
Iżda biex il-plejer ikun jista’ jilgħab mal-klabb, fadal l-approvazzjoni tal-FIFA minħabba li Agius għadu ma għalaqx it-18-il sena. Meta jkun jista’ jilgħab, Agius se jkun mal-iskwadra ta’ taħt it-18-il sena. Leo Agius hu prodott ta’ Floriana u meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers tal-età tiegħu. Hu jattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u fl-aħħar snin tela’ regolarment għal esperjenzi ma’ Sunderland.
