Futbol Sport

Il-Ġermanja maħsuda u eliminata mill-Iżvezja

(Ritratt: EPA)

Id-darbtejn champions tad-dinja l-Ġermanja kienet eliminata fil-kwarti tal-finali wara li l-Iżvezja dawret telfa f’rebħa f’Rennes. Lina Magull skorjat b’ġest akrobatiku biex poġġiet lit-tim Ġermaniż minn fuq wara 16-il minuta.

Iżda l-Iżvezja wieġbet sitt minuti wara meta Sofia Jakobsson ħadet vantaġġ minn spazju fid-difiża avversarja u rċeviet ballun fit-tul, bl-attakkanta tavvanza u skorjat b’xutt għar-rokna. Stina Blackstenius skorjat dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-48 minuta meta għelbet lil Almuth Schult b’rebound mill-kaxxa ż-żgħira, bl-Iżvediżi jiddefendu l-pressjoni avversarja sat-tmiem.

Dan ir-riżultat fisser ukoll li l-Iżvezja, l-Olanda u r-Renju Unit ikkwalifikaw għall-Olimpjadi bħala l-ewwel tliet timijiet Ewropej fit-Tazza tad-Dinja u b’hekk il-Ġermanja mhux se jkollha l-opportunità li tiddefendi l-midalja tad-deheb li kisbet fl-aħħar Olimpjadi f’Rio.

Kwarti tal-finali

Italja v Olanda 0-2, Ġermanja v Żvezja 1-2

Semifinali

It-Tlieta: Ingilterra v Stati Uniti 9.00pm

L-Erbgħa: Olanda v Żvezja 9.00pm