Il-Gvern, permezz ta’ SportMalta, għażel li jgħolli l-prezz tas-sħubija fil-Pixxina Nazzjonali b’madwar 10 darbiet fis-sena.
Din id-deċiżjoni, bl-iskuża li ħafna nies qed jagħmlu użu mil-lanes u qed ikun hemm iffullar żejjed, wasslet biex minn sħubija ta’ €140 fis-sena, min jagħmel użu mill-Pixxina ta’ kuljum se jkollu jibda jħallas madwar €1,300 fis-sena.
Minkejja l-appelli biex persuna żżomm ruħha attiva, il-Gvern qed juża l-pixxina ewlenija tal-pajjiż biex idaħħal il-flus. Dan hekk kif, bi SportMalta, iddeċieda li minflok ma jitlob miżata waħda fis-sena kif kien isir qabel, issa wieħed se jkollu jibda jħallas għal kull sessjoni ta’ siegħa li jmur: €2 mit-Tnejn sal-Ġimgħa u €5 fi tmiem il-ġimgħa u l-Festi.
Persuni li tkellmu ma’ NET News, wara li sabu din id-direttiva ġdida ma’ wiċċhom, qalu li ġibdu wkoll l-attenzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Isports Akwatiċi (ASA), li iżda spjegatilhom kif bidliet fil-prezzijiet tas-sħubija joħorġu direttament minn SportMalta.
Dan kien ikkonfermat mis-sit elettroniku tal-entità tal-Gvern stess, li spjegat li mhux qed ikunu aċċettati sħubiji ġodda jew tiġdid għax il-Pixxina qed tkun mimlija kuljum. Minflok, se jkunu aċċettati sessjonijiet ta’ siegħa minn kulmin japplika.
Is-sitwazzjoni tista’ tiġi evitata jekk il-proġett ta’ Pixxina ġdida fin-nofsinhar ta’ Malta, imwegħda mill-Gvern fis-snin li għaddew, ma jibqax għaddej bil-pass kajman li għaddej bħalissa.
Dan qed ikun ta’ inkonvenjent ukoll għall-ASA, li ma tistax tqassam sew ir-riżorsi u l-ħidma tagħha ladarba x-xogħol fuq il-Pixxina l-ġdida jidher li fadallu mhux ħażin.
//= $special ?>