NEPTUNES LEO VEGAS………. 14 SIRENS GREENTUBE………….. 17
(3-2), (6-4), (2-4), (3-7)
Sirens Greentube għamlu dikjarazzjoni tal-potenzjal tagħhom b’rebħa missielta iżda b’wirja brillanti fuq iċ-champions Neptunes Leo Vegas 17-14. B’hekk huma jibdew il-Kampjonat Premier fil-quċċata b’sitt punti hekk kif issa jibqgħu jgħoddu biss il-logħbiet li lagħbu fil-grupp kontra timijiet li se jkunu fl-istess kampjonat, f’dan il-każ Neptunes u Marsaxlokk.
Neptunes kienu fuq quddiem tul il-konfront kollu iżda meta Sirens marru għall-ewwel darba minn fuq fl-aħħar sessjoni ma kellhomx risposta, b’Stevie Camilleri jkun mgħasses sew għalkemm Darko Brguljan wera l-kwalitajiet tiegħu tul il-logħba.
Iżda jekk Brguljan spikka, l-istess għamel Christian Presciutti għal Sirens b’sitt gowls. It-Taljan ħa vantaġġ minn diversi nuqqasijiet fid-difiża tal-avversarji, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ Jordan Camilleri li f’xi ħinijiet ma kienx fl-ilma minħabba li kellu żewġ fawls sal-bidu tat-tieni sessjoni.
L-ewwel sessjoni kienet mill-ewwel indikazzjoni tal-andament tal-logħba, b’Sirens jirkupraw żewġ gowls żvantaġġ, sakemm Darko Brguljan poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ minn sitwazzjoni ta’ man-up. Sirens baqgħu qrib l-avversarji sa żewġ gowls sakemm seħħ mument li seta’ kellu effett fuq il-logħba. Lejn tmiem it-tieni sessjoni, Sirens ipprotestaw bl-aħrax għal korner li ma ngħatax u wassal biex Darko Brguljan għamel l-iskor 9-6.
Sirens ħarġu aktar determinati fit-tielet sessjoni u għamlu rimonta mill-aqwa. Sa tliet minuti u nofs mit-tielet sessjoni, Neptunes kienu 11-7 fil-vantaġġ iżda Sirens irnexxielhom itemmu s-sessjoni b’distakk ta’ gowls biss.
Din ir-rimonta kienet kompluta meta Luke Caruana ġab id-draw. Stevie Camilleri kellu ċ-ċans ipoġġi lil Neptunes minn fuq iżda l-penalty tiegħu stampa mal-wieqfa b’Sirens jiskorjaw darbtejn oħra għal vantaġġ ta’ 13-11. Minn hemm Neptunes setgħu biss inaqqsu d-distakk hekk kif Sirens baqgħu jiskorjaw u spiċċaw rebħu b’distakk ta’ tliet gowls.
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (2), D. Brguljan (8), S. Camilleri (2), J. Camilleri (1), J. Abela, N. Zammit (1), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia
Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (2), C. Presciutti (6), P. Privitera, M. Grech, J. Brownrigg (3), I. Riolo (2), V. Gallo (1), J. Napier, E. Aquilina (2), L. Caruana (1), M. Sciberras, O. Gauci, G. Farrugia, G. Mellilo
Referees: Massimo Angileri, Gianfranco Bonavita
Exiles jaċċertaw posthom fil-Premier
EXILES ELIA CATERERS……….. 13 BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 11
(4-0), (3-2), (4-3), (2-6)
Exiles Elia Caterers aċċertaw posthom fil-Kampjonat Premier b’rebħa meritata fuq Birżebbuġa Freeport. Għalkemm Exiles dejjem kienu fil-vantaġġ, fl-aħħar mumenti setgħu ssugraw ir-rebħa wara rimonta qalbiena ta’ Birżebbuġa li iżda ma kinitx biżżejjed.
Id-differenza prinċipali fil-logħba kienet fl-ewwel sessjoni b’Exiles jieħdu kontroll tal-logħba b’erba’ gowls mingħajr risposta li waslu permezz ta’ doppjetta ta’ Timmy Sullivan, Marko Jelaca u Milos Vukicevic. Dan il-vantaġġ ta ċ-ċans lil Exiles li jkollhom vantaġġ komdu.
Dan id-distakk baqa’ jikber gradwalment u fiż-żewġ okkażjonijiet li skorjaw Birżebbuġa, Exiles irnexxielhom jiskorjaw biex żammew il-vantaġġ u daħlu jistrieħu 7-2. Iż-żewġ gowls ta’ Marko Jelaca u Michele Stellini prattikament għalqu l-logħba u amministraw il-logħba biex bdew l-aħħar sessjoni 11-5.
Fl-aħħar sessjoni, Sullivan skorja għal Exiles, Mikhael Cutajar wieġeb għal Birżebbuġa u Nicky Paris skorja għal Exiles. Iżda minn hemm il-logħba ħadet xejra differenti hekk kif Exiles ikkalmaw u ppermettew lil Birżebbuġa jittamaw li setgħu jsalvaw il-logħba.
It-tim ta’ Pierre Borg skorja ħames gowls konsekuttivi u b’minuta u nofs għat-tmiem, il-gowlkiper ta’ Exiles Matthew Castillo salva tajjeb il-penalty ta’ Antonio Petkovic.
Exiles: M. Castillo, M. Stellini (1), A. Magri, M. Jelaca (3), T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, M. Vukicevic (5), A. Cousin, N. Paris (1), P. Paris, M. Martin, S. Apap, C. von Brockdorf
Birżebbuġa: A. Bugeja, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, A. Petkovic (4), S. Vassallo (2), D. Cutajar, J. Bajada, M. Cutajar (1), B. Lorincz (3), M. Ortoleva (1), D. Spiteri, C. Farrugia, R. Spiteri
Referees: Peter Balzan, Stefano Scappini
Faċli għal Valletta
OTTERS NIVEA………………… 15 VALLETTA VIDEOSLOTS…….. 23
(2-5), (2-6), (2-8), (9-4)
Valletta Videoslots temmew ir-rawnd preliminari diżappuntanti b’rebħa faċli fuq Otters Nivea, tim li se jkunu qed jilagħbu kontrih fl-Ewwel Diviżjoni wara li spiċċaw il-grupp tagħhom fir-raba’ post minħabba li tilfu l-konfront dirett kontra Marsaxlokk.
Il-Beltin kellhom bidu pożittiv u rebħu l-ewwel sessjoni 5-2, bir-Russu Dmitri Kholod jiskorja tripletta. Fit-tieni sessjoni huma prattikament għamlu ċert mill-punti b’doppjetta ta’ Kholod u gowl ta’ James Spiteri Staines għal distakk ta’ 8-2 u daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ seba’ gowls.
Wara l-mistrieħ, Valletta komplew jiddominaw bil-Montenegrin Sasa Misic jiskorja tripletta b’gowls mill-isbaħ, f’logħba bla storja. Fl-aħħar sessjoni bir-rotazzjoni fit-tim Belti, Otters kellhom l-opportunità li jnaqqsu d-distakk u jevitaw telfa akbar.
Otters: D. Camilleri, C. Spiteri Debarro (1), F. Salamon (3), L. Hyzler, E. Meli, M. Lanzon (1), K. Scicluna, G. Mizzi (1), A. Mifsud, D. Zahra (2), B. Lanzon, M. Filipovic (7), M. Xerri
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), A. Agius, P. Borg, C. Zammit (1), R. Mock, D. Paolella (2), M. Mifsud (1), M. Cordina, M. Zammit (2), D. Kholod (6), N. Farrugia (2), R. Bonnici, S. Misic (5), L. Gialanze (2)
Referees: Alex De Raffaele, Gianfranco Bonavita
//= $special ?>