Lokali

Tingħata l-Aħħar Tislima lil George Sammut

Serva għal xi snin bħala l-Kuratur tal-iMitħan tax-Xarolla

F’dan il-mument meta qalbna tkun mimlija dieqa, ejjew inħallu lil Alla jmexxi ħajitna. Illum, aħna lkoll mistednin insegwu l-istil ta’ ħajja li għex George.

Kliem Dun Noel Camilleri fl-Omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet George Sammut, li għal għadd ta’ snin serva bħala l-Kuratur tal-Mitħna tax-Xarolla.

L-Aħħar Tislima kienet iċċelebrata minn Dun Karm Mercieca, l-Arċipriet tal-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq, iddedikata lil Santa Katarina Verġni u Martri.

Dun Noel, ħabib personali ta’ George u Żurrieqi bħalu, irrakkonta kif sal-aħħar mumenti tiegħu, George baqa’ mal-Mulej għax dejjem emmen li l-imħabba ma tmut qatt. Bħal meta kellu f’idejh santa tal-Madonna Ta’ Pinu, biesha u stieden lil dawk li kienu qrib tiegħu biex jgħidu Sliema u Qaddisa miegħu.

Għax George dejjem emmen li l-imħabba ta’ Alla tagħti l-kenn, anke fl-aktar ċirkostanzi diffiċli. Fil-fatt, hu kellu soljev qawwi meta kien jaf li madwaru kien għad fadal dawk l-aktar qrib tiegħu. Għax jekk inneħħu lil Alla fil-mumenti diffiċli ta’ ħajjitna, x’tarka se nsibu, staqsa Dun Noel.

Hu kompla billi rrakkonta kif meta tilef lil ibnu ta’ disa’ snin, aktar minn 35 sena ilu, George ma tfixkilx u kompla jħares lejn Alla bħala imħabba vera.
Dan għalkemm baqa’ jġorr il-piż tat-tbatija tul il-kumplament ta’ ħajtu.

Iżda minkejja li ġarrab, George kien bnieem li baqa’ jħares lejn il-ħajja b’imħabba u b’paċenzja, fost l-oħrajn bid-diversi modi kif kien jipparteċipa fil-ħajja taż-Żurrieq, li tant kien iħobb.

Kien ukoll ta’ servizz għall-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna għall-mod kif ħa ħsieb il-Mitħna tax-Xarolla, tant li baqa’ jistaqsi dwarha anke meta ma setax imur għax saħħtu ma ħallietux.

Fuq kollox, Dun Noel qal li fost l-aħħar affarijiet li qallu kienet “Grazzi”, filwaqt li appella lil dawk preżenti biex japprezzaw l-importanza tal-kelma Grazzi, partikolarment lil dawk qrib tiegħek.