“Hemm bżonn li ssir xi ħaġa, spiċċajna maqfula ġo darna u ma nistgħux niċċaqalqu”. Dan kien il-messaġġ ta’ Raymond Fenech, resident fi Triq il-Ferrovija l-Qadima f’Ħal Balzan li spiċċa vittma ta’ negliġenza minn ħaddiema li qed jaħdmu f’din it-triq.
X’ġaralu Raymond?
Żorna lil din l-istess triq u kif ukoll lil Raymond fejn spjegalna dak li għadda minnu f’dawn l-aħħar jiem. Huwa qalilna li kien ħiereġ dawra bil-kelb għall-ħabta tal-10pm. Meta ħareġ mid-dar waqa’ f’gandott li kien għadu kemm sar waranofsinhar. Gandott li la kellu bollard jew barrier madwaru, u ma kien hemm xejn ta’ prekawzjoni. Hawn huwa qal li mank saret biċċa ħadida biex il-bankina tal-anqas tkun tista’ timxi fuqha kif għandu jkun.
“Sibt wiċċi mal-art, wara li fetħu gandott minn ġot-triq għal fuq il-bankina”
Raymond spjegalna li wara kif wara l-waqa’ ma setax iqum, weġġa’; saqajh, idu, ġenbu u spalltu u sostna li kieku ma kienx hemm il-mara fil-parapett kieku kien żgur kien idum ferm aktar ħin fil-gandott.
“Grieħi li minħabba fihom ma nistax nagħmel ċertu affarjiet, ili jumejn ma nsuq, qed inbati dan kollu minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor”
Spjegalna wkoll x’ġara meta ġew għandu l-pulizija biex jaraw is-sitwazzjoni. Qabel daħal wieħed mill-pulizija qallu li anki hu kien se jaqa’ fil-gandott u tista’ tgħid li stagħġeb bis-sitwazzjoni ta’ din it-triq. Il-Pulizija wkoll saqsew kif m’hemmx dawl fit-triq. Fenech hawn spjegalna kif akkost l-ilmenti tar-residenti, lampa tat-triq ta’ ħdejhom ilha maqtuha żmien u għomor.
Sfidi oħra fl-istess triq
Trakkijiet fit-triq tagħhom ilhom jipparkjaw, quddiem l-entraturi u jwasslu sal-gallariji. Huma qalu li dawn jistgħu jintużaw minn xi nies biex jagħmlu s-serq mill-gallariji. “It-trakkijiet qed jiġu pparkjati f’din it-triq, vizzju li qed jipperikola s-sigurtà taz-zona”.
Raymond qalilna li fl-aħħar jiem sab koperazzjoni sħiħa mis-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri, u kif ukoll mill-Kunsill Lokali, li mill-ftit poteri li għandhom taw l-għajnuna kollha possibbli.
Huwa qalilna li mhux ġust li hawn Malta tittieħed azzjoni wara, flok tittieħed prekawzjoni kif suppost. Huwa qalilna li hemm bżonn li f’Malta tiġi eleminata din il-mentalità ta’ “cowboys”. Raymond sostna li n-nies issa qed jiddejqu b’sitwazzjonijiet bħal dawn.
“Dan hemm bżonn li xi ħadd jieħu l-liġi u jinfurzaha kif suppost, għax hekk se nibqgħu sejrin hekk in-nies se jispiċċaw jieħdu l-liġi b’idejhom huma. Jekk xi ħadd jiġi jiġbed id-dar fuq rasek, xi ħadd jagħmillek toqba quddiemek mingħajr l-ebda prekawzjoni lejn ir-residenti, u kollox jibqa’ xejn mhu xejn, mela żgur hemm xi ħaġa ħażina ħafna”.
Intant akkost dan l-inċident li seħħ ftit tal-jiem ilu, xorta waħda qisu l-ħaddiema ma tantx ħadu tagħlima mis-sitwazzjoni dan hekk kif kien hemm numru ta’ gandotti fil-bankini fil-viċinanzi li xorta tħallew bla bollard jew barrier, dan l-eżempju stajna narawh anki fl-istess bankina ta’ faċċata fejn seħħ dan l-inċident.
Illejla tista’ ssegwi din l-intervista u l-kummenti fil-bullettin tal-aħbarjiet tas-7.30pm fuq NET TV.
//= $special ?>