Numru ta’ klijenti ta’ Satabank għadhom qed jistennew li jieħdu flushom, iktar minn 8 xhur wara li l-kontijiet f’dawn il-bank kienu ffriżati fuq ordni tal-Awtorita’ Għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Il-Gazzetta The Malta Independent on Sunday tirrapporta li r-rata ta’ rilaxx ta’ fondi naqset b’mod sinjifikanti. Dan qed jallarma diversi klijenti li għadhom qed jistennew li jkollhom aċċess għall-fondi tagħhom.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet, l-MFSA iffriżat il-kontijiet kollha ta’ Satabank wara li investigazzjoni konġunta bejn l-MFSA u l-FIAU sabet nuqqasijiet serji fil-proċeduri tal-bank biex jilqa’ għall-ħasil tal-flus.
Il-Kumpanija tal-Awdituri Ernst & Young inħatret bħala amministratur biex tmexxi l-bank fl-aħjar interess tad-depożitarji.
Iżda wara li bdew jiġu rilaxxati l-ewwel fondi f’Jannar li għadda, ftit kien hemm aħbarijiet dwar x’kien qed jiġri f’Satabank. F’April kien hemm grupp ta’ investituri li wrew interess li jixtru l-bank iżda minn dak iż-żmien ‘l hawn, ma nstema’ xejn iktar dwar dan.
The Malta Independent on Sunday għamlet kuntatt mal-MFSA sabiex jinxteħet iktar dawl dwar x’qed jiġri iżda l-unika risposta li ngħataw hi li l-proċess ta’ rilaxx ta’ fondi, wara proċess ta’ due diligence, qed jimxi skont il-pjan.
//= $special ?>