Lokali

Bid-deċiżjoni mgħaġġla l-Gvern ma serraħ moħħ ħadd

Ritratt: Arkivji

Filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrikonoxxi s-sensitività u l-urġenza tal-materja in kwistjoni, turi t-tħassib tagħha għan-nuqqas ta’ ppjanar serju min-naħa tal-Gvern fit-tfassil tal-Avviz Legali dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Propjetajiet ta’ Terzi Persuni.

Dan sostnih il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli, mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg u minn Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura.

Id-deċiżjoni mgħaġġla tal-Gvern ma’ offriet ebda serħan il-moħħ liċ-ċittadini speċjalment dawk li joqogħdu qrib sit ta’ kostruzzjoni. L-ikbar tħassib ġej mill-fatt li saret konsultazzjoni mgħaġġla u inadegwata mal-istakeholders kollha nvoluti fis-settur tal-kostruzzjoni fosthom mal-Kamra tal-Periti, insurance providers, mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, mal-bennejja liċenzjati, mas-site managers kif ukoll diversi ħaddiema oħra.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella lill-Gvern biex b’konsultazzjoni wiesgħa u bl-involviment dirett ta’ dawk kollha nvoluti fis-settur tal-kostruzzjoni kif wkoll a bażi tad-diversi rakomandazzjonijiet li saru minn diversi setturi fit-tfassil ta’ dan l-avviz legali, jsiru dawk l-emendi kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li:

  • Tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja lill-proprjetajiet ta’ terzi li jinsabu biswit siti ta’ kostruzzjoni b’avviż legali li minflok ifarfar ir-responsabbiltà tal-Gvern fuq terzi, jindirizza bis-serjeta’ d-diffikultajiet u l-beżgħat li dawn huma kostretti jġorru magħhom waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Fl-istess ħin, fil-qafas ta’ dan l-Avviż Legali, jiġi ntrodott xi forma ta’ għajnuna mmedjata, kemm dik psikoloġika kif ukoll dik materjali, li tali residenti jingħataw f’każ ta’ inċidenti bħalma nqalgħu f’dawn l-aħħar tliet xhur;
  • Jagħti s-sostenn morali tiegħu u jikkonsulta b’mod serju mal-periti u rappreżentanti tagħhom;
  • Joffri serħan il-moħħ lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, lill-bennejja liċenzjati kif ukoll lill-ħaddiema kollha li l-ħobża ta’ kuljum tiddependi minn dan is-settur.
  • Fl-istess ħin, jingħata bidu għat-twaqqif ta’ reġistru li jinkorpora fih dawk il-kuntratturi kollha, żgħar u kbar, li jagħtu servizz lil din l-industrija u biex dan ir-reġistru, fi żmien qasir, iwassal għal-liċenzjar tal-istess kuntratturi a bażi tal-ħiliet tagħhom;
  • B’mod immedjat għandu jinvesti fl-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini a termini ta’ taħriġ, riżorsi umani kif ukoll tekonolġija avvanzata biex dan l-Uffiċċju jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu;
  • Tiġi msaħħa wkoll l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol sabiex din l-Awtorità tkun tista’ żżid l-għarfien dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll sabiex l-Awtorità tkun tista’ tinforza b’mod effettiv u ħolistiku.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jirreaġixxi għall-bżonnijiet kollha taċ-ċittadini u tal-industrija tal-bini u jara li r-regolamenti li daħlu fis-seħħ permezz tal-Avviż Legali dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Propjetajiet ta’ Terzi Persuni jsirilhom l-emendi neċessarji.