Lokali

Bżonn ta’ żieda fl-edukaturi għax il-problema se tinfirex għal suġġetti oħra

Hekk kif spiċċat sena skolastika oħra, li fost oħrajn kienet immarkata minn nuqqas qawwi ta’ edukaturi għall-Malti u l-Matematika, il-Union tal-Għalliema (MUT) tinsab imħassba li fis-sena skolastika ġdida din is-sitwazzjoni se tinfirex għal suġġetti oħra.

“Il-problema nħolqot għax hemm nuqqas ta’ għalliema f’diversi suġġetti bħall-Malti u l-Matematika,” saħaq il-President tal-MUT, Marco Bonnici hekk kif żied jgħid, “Imma wkoll f’suġġetti oħrajn bħall-Ingliż, computer studies u ICT b’mod prinċipali fil-primarja.”

Fis-sena skolastika li għadha kif intemmet, il-Ministeru tal-Edukazzjoni raqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar meta ħatar grupp ta’ persuni mhux identifikati biex ħejjew u jikkoreġu l-karti tal-eżami huma. Dan hekk kif l-MUT tat ordni lill-membri tagħha biex ma jagħmlux dan fil-każ tal-Malti u l-Matematika.

Sitwazzjoni li nħolqot minħabba li l-Ministeru mmassimizza l-ammont ta’ lezzjonijiet li l-għalliema tas-suġġetti tal-Malti u l-Matematika kellhom jagħmlu.

Dan minkejja li fil-ftehim kollettiv jingħad li dan jista’ jsir f’każi eċċezzjonali, li madankollu mhux il-każ meta wieħed iqis li dan sar f’27% tal-każi tal-matematika. Konsegwenza ta’ dan inħass nuqqas fis-servizz stess hekk kif hemm limitu ta’ kemm jsitgħu jagħmlu l-edukaturi.

“Irridu nħarsu lil hinn minn dawn l-eżamijiet b’tali mod li f’Settembru ma jkollniex kriżi bħalma kellna,” qal il-President tal-MUT

Tant hu hekk li l-MUT mistennija tagħmel diversi laqgħat mal-Ministeru.

“Filwaqt li fil-Malti jidher li s-sitwazzjoni se tkun aħjar milli kellna din is-sena għax kienu ngaġġati jew se jkunu ngaġġati numru ta’ għalliema, fil-matematika għadna m’aħniex daqshekk fiduċjużi li s-sitwazzjoni se tkun aħjar minn din is-sena,” kompla jisħaq Bonnici

Marco Bonnici jappella għal inċentivi reali għall-edukaturi bl-iskop li ż-żgħażagħ jagħżlu dan is-settur u għalliema li diġà jaħdmu f’dan is-settur biex ninċentivawhom jibqgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Dan biex fost oħrajn nilqgħu għaż-żieda fil-popolazzjoni.

“Dawn l-ammonti ta’ barranin ma ħsibniex għalihom u hu ċar li, il-pajjiż kollu, ma ħasibx għal dan,” kompla jgħid Bonnici, filwaqt li spiċċa jgħid, “Fl-iskejjel, m’aħniex ippreparati għal dawn in-nies kollha, m’għandniex biżżejjed għalliema iżda lanqas impjegati għal servizzi oħra bħal counselling u career guidance fost oħrajn.”

Il-President tal-MUT jwissi li s-settur tal-edukazzjoni se jbati, primarjament fil-Primarja, jekk mhux se tittieħed azzjoni mmedjata.