Ġenituri ta’ studenti li jattendu fi skejjel tal-Gvern, jinsabu inkwetati u jridu li ssir analiżi dwar l-impatt li se jsir fuq uliedhom bit-tneħħija tal-eżami tal-Benchmark.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-iskejjel tal-Istat tixtieq li l-awtoritajiet jinvestigaw kif permezz ta’ din il-bidla, se jiġu affettwati r-riżultati ta’ tfal fl-iskejjel sekondarji u f’eżamijiet oħra bħas-SEC.
Iktar kmieni din il-ġimgħa kien magħruf li l-Benchmark se jinqatgħu u minflok it-tfal se jkunu assessjati matul is-sena kollha.
L-awtoritajiet tal-edukazzjoni jinsistu li l-proposti jirriżultaw minn rispons ta’ dawk kollha involuti u li jirriflettu kwistjonijiet immarkati minn għalliema, studenti kif ukoll il-ġenituri tagħhom. Iżda minn naħa tagħha l-assoċjazzjoni tal-Ġenituri stqarret li saret taf b’din id-deċiżjoni mill-midja.
L-Union tal-Għalliema, l-MUT, esprimiet diżappunt minħabba l-fatt li din kienet deċiżjoni li ttieħdet ta’ malajr. Huma argumentaw li r-riforma ma tirriflettix it-twemmin tal-għalliema u tidher li tikkontradixxi ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet fis-snin riċenti.