Lokali

Ian Borg ikompli jirrabja membri u delegati fil-Partit Laburista

Ir-reazzjoni tal-Ministru Borg dwar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fuq il-permess biex jibni swimming pool ġiet interpretata minn bosta bħala l-aħħar minn sensiela ta’ azzjonijiet li jixhdu l-arroganza sfaċċata tal-Ministru.

Id-dikjarazzjoni ta’ Ian Borg li l-Qorti irrevokatlu biss l-appell u mhux il-permess oriġinali, iġġenerat rabja fost bosta partitarji Laburisti. Delegat Laburist stqarr ma’ il-mument li l-Ministru Borg kien qed jipprova jkun opportunist billi jisserva b’interpretazzjoni legali tat-tim legali tiegħu.

Oħrajn interpretaw ir-reazzjoni tiegħu bħala att ta’ arroganza li xejn ma tirrifletti tajjeb fuq dak li ħafna qed jarawh bħala l-eredi naturali ta’ Joseph Muscat. 

Delegati Laburisti li tkellmu ma’ il-mument, fakkru kif din ma kinetx l-ewwel darba li l-Ministru Ian Borg kien arroganti. Ta’ min wieħed ifakkar il-mod kif il-Ministru akkwista l-art li fuqha bena d-dar speċjalment l-art li xtara mingħand pensjonant ta’ 68 sena, Anthony Scicluna, għal ftit inqas minn €12,000. 

Ir-residenza l-ġdida ta’ Ian Borg kienet kontroversjali sa minn qabel inbniet, wara li l-qraba tas-sid oriġinali kienu akkużaw lill-Ministru li approfitta mis-saħħa mentali tal-anzjan biex akkwista l-art b’somma miżera.

Delegat irrefera wkoll għad-deċiżjonijiet tal-Awtoritá tal-Ippjanar li taqa’ taħt ir-responsabbiltá tal-istess Ministru. Oħrajn irreferew għal kif il-Ministru Ian Borg injora dak li qal l-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-permess tar-residenza tiegħu, u injora lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni li aċċettat dak li qal l-Ombudsman dwar l-istess permess. 

Bosta kienu diżgustati wkoll kif Ian Borg irreaġixxa għall-kawża li fetaħ Noel Ciantar biex tkun imħassra, revokata u annullata d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-permess. Mhuwiex koinċidenza li għal tliet xhur sħaħ, Ciantar sofra pressjoni kontinwa permezz ta’ żjajjar regolari min-naħa ta’ Uffiċjali tal-Infurzar. Bosta tkażaw bil-mod kif il-Ministru Borg irreġixxa fil-midja soċjali fil-konfront ta’ Noel Ciantar.

Fl-20 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, Ian Borg kiteb: “Il-famuż Noel Ciantar, tas-sit Medjavali tas-Simblija (jew aħjar dak li ma jippermettix aċċess miftuħ lill-pubbliku għas-sit imsemmi), il-persuna li talab kemm-il darba verifikazzjonijiet u investigazzjonijiet fuq kull ħaġa li tirrigwarda lili u lill-familja tiegħi, għoġbu jikteb rapport ta’ 45 paġna sabiex joġġezzjona li marti, Rachelle Borg Dingli, u jiena, Ian Borg, nagħmlu ġnien fuq għalqa privata tagħna u nikkonvertu fossa tad-drenaġġ fi swimming pool privat.” 

Interessanti kif fl-aħħar tal-kumment tiegħu fuq Facebook, il-Ministru Ian Borg jistqarr: “Issa nħallu lill-Awtorità tiddeċiedi għandniex dritt jew le bħall-kumplament tal-poplu għal dan il-gnien.”

Hija tassew ironika kif l-istess Ministru Ian Borg illum qed jikkontesta l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti.  

Dan l-aġir ma niżilx tajjeb mad-delegati u mal-membri tal-Partit Laburista. Bosta kkritikaw kif Borg kibritlu rasu. Oħrajn staqsew jekk dan huwiex aġir approprjat għal persuna li qed taspira li tkun kap tal-Partit Laburista u Prim Ministru ta’ Malta. Oħrajn staqsew għaliex s’issa l-MEPA għadha ma ppronunzjatx ruħha fuq id-deċiżjoni tal-qorti. Dan filwaqt li oħrajn tkażaw bl-insensittività tal-Ministru fil-konfront ta’ nies li ilhom xhur jistennew permess. Delegat partikolari tenna li “dan huwa każ ċar ta’ awtorità li timxi b’two weights and two measures.”

Xi wħud ħassew li dan mhu xejn ħlief aġir ta’ min meta ma jiħux li jrid, isabbat saqajh. Numru ta’ delegati tennew li Borg għadu ’l bogħod biex jieħu r-riedni tal-pajjiż f’idejh. Oħrajn innotaw il-kuntrast bejn il-kliem fieragħ li Borg jippostja fuq is-sit elettroniku GettingThingsDone, u l-aġir tiegħu fil-każ tad-dar tiegħu. 

Jidher ukoll li dan l-aġir ma niżilx tajjeb l-anqas ma’ bosta membri tal-kabinett, inkluż Joseph Muscat. Bosta delegati huma tal-fehma li Muscat qed iħalli lil Borg jinqela f’żejtu.