Lokali

Il-piloti tal-Air Malta avżaw li se jieħdu azzjoni industrijali

Il-piloti tal-Air Malta avżaw lill-linja nazzjonali tal-ajru li se jieħdu azzjoni industrijali jekk il-Gvern jibqa’ ma jidħolx f’diskussjoni magħhom dwar il-Ftehim Kollettiv.

Dan ħareġ mill-maġġoranza tal-piloti li jiffurmaw parti mill-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-Linji tal-Ajru – ALPA – li waslet għal din id-deċiżjoni wara vot sigriet li ttieħed  waqt laqgħa li saret.

Jidher li l-piloti m’humiex kuntenti b’numru ta’ kundizzjonijiet li jeżistu fil-Ftehim Kollettiv, fosthom skedi tax-xogħol, in-nuqqas ta’ bdoti fiż-żieda fit-titjiriet matul is-sajf u l-kwistjonijiet ta’ leave – Dan filwaqt li sorsi fi ħdan il-piloti li tkellmu mal-gazzetta The Sunday Times, qed jgħidu li dan kollhu qed jinqala’ wara li l-Gvern laħaq ftehim mal-linja tal-ajru Ryanair biex tibda topera minn Malta taħt l-isem MaltaAir – Deċiżjoni tal-Gvern li qed titfa dubji serji fuq il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru.

L-ALPA qed titlob ukoll garanzija fuq skema ta’ rtirar bikri, skema ta’ kważi 700,000 ewro fl-età ta’ 55 – il-Piloti qed jitolbu li din is-somma tiġi mħallsa anke jekk tfalli l-AirMalta.

Kelliema għall-gvern fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu qal lill-gazzetta MaltaToday li sakemm il-bdoti ma jbiddlux l-imġieba tagħhom, l-immaniġġjar tat-tkabbir tal-AirMalta mhux se jsir permezz tal-linja tal-ajru ċentrali imma minflok ikun fdat f’idejn il-kumpanija propjetà tal-gvern Malta MedAir. Minkejja li l-Union tal-Bdoti wriet it-tħassib tagħha, il-General Workers Union – GWU – li tirrappreżenta numru kbir ta’ piloti tal-Air Malta, baqgħet ma tkellmitx fuq din il-kwistjoni.