Lokali

Jerġa’ jinġarr mill-baħar ir-ramel li ġie inawgurat ftit tal-jiem ilu

L-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-Bajja tal-Balluta, li saret 4 t’ijiem ilu mill-Ministru Konrad Mizzi, jidher li ma tantx ħalliet ħafna nies igawdu minnha.

Dan wara li l-mewġ qawwi kaxkar ir-ramel, li ġie jiswa mat-€80,000, bir-riġenerazzjoni ta’ din il-bajja, jerġa’ jispiċċa fix-xejn.

L-Erbgħa li għadda, il-Ministru Konrad Mizzi sejjaħ lill-midja biex jiftaħar bix-xogħol li l-Privat għamel biex il-Bajja tal-Balluta terġa’ timtela’ bir-ramel għall-istaġun tas-Sajf.

Iżda mistoqsi jekk għandux x’jikkummenta dwar il-fatt li s-sena li għaddiet inħlew aktar minn 100,000 minn flus il-poplu biex isir ir-ramel, li mal-ewwel ħalba xita f’Settembru mbaram kollu mill-mewġ, il-Ministru Mizzi stqarr li dak kien esperiment li ħadem u li l-poplu Malti gawda minnu.

Nhar l-Erbgħa wkoll, il-Ministru Konrad Mizzi stqarr li anke din id-darba mhux eskluż li r-ramel jittieħed mill-baħar….. u kellu raġun!….

Il-Ministru tat-Turiżmu temm jgħid li anke jekk dan jiġri, almenu l-Bajja tkun tgawdiet mit-turisti li jżuruha fix-xhur tas-Sajf… iżda ma tantx kien il-każ!