Lokali

Konferma minn Muscat li trid tinbidel il-liġi l-ġdida tal-kostruzzjoni

Liġi li kif sostnew bosta nies... saret b'għaġġla kbira

Ammissjoni ċara mill-Prim Ministru Joseph Muscat li l-liġi l-ġdida tal-kostruzzjoni trid tinbidel. Konferma oħra li din kienet liġi li saret bl-għaġġla.

Joseph Muscat qal dan meta l-Ħadd filgħodu kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju laburista. Fi kliemu stess Muscat qal li hemm affarijiet x’ jistgħu jikkoreġu u jiġu rranġati fejn b’mod partikolari rrefera għall-irwol tas-site technical officer u kif dan kien il-punt li l-aktar li qajjem kontroversja.

Tant li stqarr li mhux il-periti biss jistgħu ikunu site technical officers.

Issa Muscat qed jgħid li l-ewwel ġie deċiż li fil-liġi l-ġdida s-Site Tehnical Officer għandu jkun perit. Però issa qed jgħid li jekk ikun hemm inġiniera li jħossu li huma kwalifikati biżżejjed, jistgħu jidħlu bħala site technical officers. Dan jista’ jsir ukoll minn studenti li qed jikkwalifikaw mill-MCAST. Dan jikkuntrasta bil-kbira mal-liġi kif ġiet mibudla għax f’din il-liġi speċifikament hemm imniżżel li s-Stie Technical Officer għandu jkun perit.

Fid-daql ta’ dan, aktra kmieni din il-ġimgħa l-President tal-Kamra stess qalet li hemm ħafna punti pendenti li jeħtieġu kjarifika qabel il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali. Fil-fatt, il-Periti resqu sett ta’ 27 domanda lill-Ministru Ian Borg.

Fost l-oħrajn, il-Kamra tal-Periti qajmet serje ta’ punti relatati mas-Site Technical Officer, x’responsabbiltajiet għandhom il-kuntratturi, u jekk il-Building Regulations Office hux se jwaqqaf kull sit li jinstab mhux kompatibbli ma’ dawn ir-regoli ġodda.

L-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA wkoll stqarret li din kienet liġi li saret b’għaġġla filwaqt li sostniet li ma taqbilx li s-site managers għandhom bilfors ikunu periti bil-warrant.