Lokali

Kurrenti kontra xulxin f’Kastilja

Kurrent jaħdem biex Muscat jibqa’ waqt li mewġa oħra jridu li tinfetaħ il-ġlieda għat-tmexxija minflok Muscat

F’Kastilja bħalissa għaddejjin kurrenti qawwija iżda opposti kontra xulxin hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat jidher li issa hu mxebba’ f’Kastilja. Il-kriżijiet li għaddej minnhom il-Gvern mhux qed jgħinu l-klima f’Kastilja u t-tensjoni qed tiżdied bejn dawk li huma favur li Muscat iwarrab biex hekk tkun tista’ tingħata l-bidu tat-tiġrija għall-ġlieda biex jilħaq Prim Ministru minfloku, u l-kamp l-ieħor li qed jinsiti li Muscat m’għandux jitlaq issa.

Il-kriżijiet serji li minnhom għaddej il-Gvern ta’ Muscat bħalissa xejn mhuma jgħinu l-kurrenti sħan li għaddejjin f’Kastilja. 

Kriżi serja fl-industrija tal-kostruzzjoni li hekk kif splodiet bl-inċidenti repetuti fi ftit ġimgħat ta’ kollass ta’ bini f’siti ta’ kostruzzjoni, daħal fiha mill-ewwel il-Prim Ministru u issa jidher li fl-aħħar ġimgħa telaq kollox f’idejn il-Ministru Ian Borg li waqt din is-saga kollha kien sieket. U issa, li ta’ Kastilja tefgħuha fuq Ian Borg, hemm rabja totali għall-mod kif qed jimmaniġġjaha hekk kif l-industrija issa hi staġnata u f’sitwazzjoni kaotika.

Hemm ukoll il-kriżi li splodiet issa wkoll fil-bidu tal-istaġun sħun tas-sajf, marbuta mal-ħmieġ u t-telqa li hawn fil-pajjiż, bil-Gvern jirreaġixxi b’konfużjoni u jiġi taħt kritika qawwija għall-mod kif qed jiddeġenera l-ambjent fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna.

Fuq kollox, tibqa’ l-kriżi fil-mod kif il-Gvern qed ikompli jhedded id-demokrazija b’kultura ta’ impunità u jinjora rapporti ta’ kundanni fuq pajjiżna minn istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Ma’ dawn hemm ukoll il-kriżi fl-edukazzjoni, fl-akkomodazzjoni soċjali bl-isplużjoni tal-prezzijiet tal-kirjiet, u kwistjonijiet oħrajn fuq l-aġenda tal-pajjiż bħalma hu d-dħul tal-abort u l-aċċess legali għall-użu rikreattiv tal-kannabis.

F’dawn il-kurrenti kollha li qegħdin iduru f’Kastilja, hemm il-kamp li qed jistenna bil-ħerqa li tissaffar is-suffara għat-tellieqa tat-tmexxija ġdida fil-Partit Laburista u tibda l-ġlieda u t-taqtigħa biex jittieħed post Muscat.

Issa li għaddew l-elezzjonijiet ta’ Mejju, ħarġu aktar fil-beraħ il-protagonisti ta’ din il-ġlieda fil-Partit Laburista. Ġlieda li ħadet ukoll dimensjoni oħra bir-riżultat li kisbet Miriam Dalli fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F’din il-kampanja tal-elezzjonijiet, lanqas ma qagħdu lura l-Ministru Konrad Mizzi, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Ian Borg li kollha ħadmu fuq li ħadmu biex jieħdu vantaġġ mill-kampanja tal-elezzjonijiet ta’ Mejju.

Sorsi qrib Kastilja sostnew ma’ il-mument li Muscat hu mdejjaq u jrid isib l-okkażjoni biex mal-ewwel ċans idabbar rasu issa. Uħud ukoll qed jistennew x’se jiġri mit-taħditiet li għaddejjin bħalissa fil-Kummissjoni Ewropea, u li mistennija jintensifikaw f’dawn il-ġranet, dwar karigi importanti fi Brussell.

L-istess sorsi li tkellmu ma’ il-mument ammettew li l-kurrenti f’Kastija jinħassu u huma qawwija fil-ġlieda bejn dawk li jridu lil Muscat jibqa’ Prim Ministru u fit-tmun ta’ Kastilja, u dawk li jridu li tissaffar is-suffara għat-tellieqa dwar min se jilħaq flok Muscat.