
Ġiet iffurmata assoċjazzjoni sportiva ġdida f’Malta – inkorporata bil-għan li tintroduċi u tippromwovi l-logħba tal-minifootball fil-Gżejjer Maltin, bħala kompetizzjoni organizzata u amministrata b’mod uffiċjali.
L-Assoċjazzjoni Minifootball Malta hi korp governattiv ewlieni għall-minifootball (6 a-side) f’Malta, li hija affiljata mal-Federazzjoni Internazzjonali SOCCA, li hija l-korp governattiv ewlieni dinji għall-minifootball – bħal ma’ huma l-FIFA u l-UEFA fil-futbol u l-futsal rispettivament.
L-għan ewlieni ta’ din l-assoċjazzjoni se jkun li torganizza u tniedi l-ewwel kampjonat uffiċjali tal-minifootball f’Malta – L-idea hi li tiġbor 8 timijiet għall-ewwel staġun.
Il-pjanijiet fuq medda twila ta’ żmien huma li jkun attirat l-interess mit-timijiet fl-assoċjazzjoni tal-MFA u l-GFA, u f’koperazzjoni ma’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jinħoloq kampjonat b’saħħtu u stabbli, bħal ħafna pajjiżi oħra madwar l-Ewropa (eż. L-Italja – A6 Lazio, A6 Roma, A6 Treviso, A6 Inter u Spanja – Almeria, Barcelona, etc)
F’kummenti li ta lil dan is-sit, il-fundatur ta’ din l-assoċjazzoni, Ivan Milosevic qal li huma konxji li mhux se jkun faċli li jibdew, imma jisperaw li b’eżempji pożittivi jkunu kapaċi janimaw sponsors biex iservu ta’ għajnuna sabiex ittejjeb il-kompetizzjonijiet tagħha kif ukoll jiġi ffurmat Tim Nazzjonali Malti tal-Minifootball.
Iċ-ċampjin tal-Minifootball Premier League f’Malta se jkun eliġibbli biex jattendi ċ-Champions League tas-SOCCA. It-tim nazzjonali se jkun eliġibbli biex jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja tas-SOCCA. Malta saret id-94 membru affiljat mal-Federazzjoni SOCCA.
Fir-rigward tat-tim nazzjonali, diġà qegħdin isiru kuntatti uffiċjali tant li l-ewwel kampjonat fuq bażi mondjali li t-tim nazzjonali tal-minifootball se jkun preżenti għat-Tazza tal-Isfida SOCCA, li għandha ssir fil-Belġju f’Lulju 2020. F’din il-kompetizzjoni se jieħdu sehem l-ospitanti l-Belġju, l-Ingilterra, l-Irlanda, Spanja, il-Brażil, il-Messiku, l-Iran, il-Lussemburgu u l-Ġermanja li bħalissa hija l-aqwa nazzjon fil-klassifika tal-Federazzjoni SOCCA.
“Nisperaw li dan il-proġett jikseb suċċess peress li aħna konxji tal-potenzjal li Malta għandha x’toffri fil-logħba tal-minifootball” – temm jgħid
Ivan Milosevic