Kummerċ Lokali

Tħassib serju mill-MFSA dwar it-tmexxija tal-BOV

Tħassib serju dwar il-proċessi operattivi u maniġerjali tal-BOV, bl-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. l-MFSA tagħti ċans lill-bank sa nhar il-Ġimgħa li ġej biex jimplimenta riforma sħiħa.

F’ittra mibgħuta lill-BOV mill-MFSA fl-aħħar ġimgħa, kien hemm appell lit-tmexxija tal-bank biex tittieħed miżura urġenti biex tiġi implimentata r-riforma meħtieġa.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għamel reviżjoni tal-BOV lura f’Marzu li għadda, u l-uffiċjali kienu f’Malta fl-aħħar ġimgħa għal follow up, madankollu r-riżultat ta’ dawn iż-żjarat s’issa baqa’ mhux konkluż.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta hi informata li spezzjoni li saret fil-post mill-Bank Ċentrali Ewropew,  qajmet tħassib dwar numru ta’ każijiet ta’ riskju operattiv fl-akbar bank ta’ Malta, li erbgħa minnhom kienu meqjusa kritiċi. L-ittra tal-MFSA twissi lill-BOV li l-Awtorità Bankarja Ewropea tista’ potenzjalment tnaqqas il-klassifikazzjoni ta’ dan il-bank jekk ma tittiħiedx azzjoni ta’ rimedju mill-iktar fiss.

Minkejja interazzjonijiet differenti, il-bank qed jonqos milli jindirizza b’mod effettiv dan it-tħassib attwali li qed ikun imqajjem, kif ukoll ma jurix is-sens ta’ ħtieġa urġenti mistenni minnu f’dawn iċ-ċirkostanzi sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet konċernati.

Fl-ittra tagħha l-MFSA qalet li l-bank kellu ċerti problemi fl-ammont ta’ klijenti ġodda li kien qed jattira lejh kif ukoll nuqqasijiet kbar fl-effettività tal-governanza interna tiegħu. Dan jinkludi wkoll l-effettività tal-bord tal-bank fl-għoti ta’ sorveljanza strateġika u l-governanza.

L-awtorità tħeġġeġ lill-BOV biex jibdel il-mod kif jitħaddem, partikolarment il-kontrolli interni tar-riskju. Il-BOV ma laħaqx il-livell mistenni fl-ambjenti bankarji Ewropej u internazzjonali, għalhekk il-korrispondenza tħeġġeġ lill-bank biex jindirizza wkoll din il-kwistjoni immedjatament.

Il-bank jeħtieġ li jissoda r-riskju u l-konformita fl-istrutturi, fis-sistemi u fil-proċessi tiegħu, b’mod partikolari fil-mod kif inhu mifhum u indirizzat ir-riskju. Il-BOV jista’ jitqies bħala bank riskjuż biex tagħmel negozju miegħu l-aktar minħabba d-daqs kbir tiegħu meta mqabbel mal-ekonomija Maltija.

Finalment l-MFSA wissiet li minħabba l-importanza strateġika tal-bank għall-ekonomija Maltija, huwa kritiku li t-tħassib imqajjem jiġi indirizzati minnufih. Jekk dan ma jsirx mhux biss il-bank ipoġġi lilu nnifsu f’riskju iżda jista’ jkun hemm impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-gżira bħala ġurisdizzjoni.

Tags