Formula 1 Sport

Verstappen jirbaħ fid-69 dawra f’tellieqa eċitanti

Max Verstappen rebaħ tellieqa mill-isbaħ fil-Grand Prix tal-Awstrija biex irnexxielu jwaqqaf id-dominju tal-Mercedes, li xorta waħda għadhom ixxamplati fl-ewwel post tal-klassifika. Għal darba oħra diżappunt kbir għas-sewwieq tal-Ferrari Charles Leclerc li beda mill-Pole Position tal-Grand Prix tal-Awstrija.

Kien Max Verstappen ta’ Red Bull Racing li fid-69 dawra fuq ċirkwit ta’ 71 li qala’ liż-żgħażugħ Ferrarista biex issa jinsab fit-tielet post fil-klassifika. Kien hemm kuntatt wkoll f’din il-qabża bir-riżultat jibqa’ nċert sa l-aħħar.

Il-Mercedes reġgħu sabuha diffiċli fl-Awstrija fejn fl-aħħar jiem ma kienux fl-aqwa forma tagħhom b’Lewis Hamilton jispiċċa l-ħames. Il-konsolazzjoni għal Mercedes kienet li Bottas spiċċa fit-tielet post. Minkejja s-diżappunt għal Sebastian Vettel fuq Ferrari li beda pjuttost lura wara li rreġistra l-10 aħjar ħin is-Sibt, huwa rnexxielu jispiċċa r-raba..

Tant kemm kienet tellieqa sabiħa u nteressanti li anke Lando Norris li spiċċa fis-sitt post qal li kienet tellieqa li ħa pjaċir jieħu sehem fiha, u din għax kellha kollox. Sadanittant Verstappen spiċċa tliet sekondi fuq Leclerc u peress li kien hemm ftit tal-kuntatt meta Verstappen qala’ lil Leclerc, it-tellieqa baqgħet tiġi studjata milli stewards fejn huwa spiċċa taħt investigazzjoni, pero’ ftit tas-siegħat wara ġie deċiż li r-rebħa ta’ Verstappen kienet ġusta.

Din kienet il-ħames rebħa għal Verstappen, u l-ewwel darba fl-2019 li t-tellieqa ma ntrebħitx minn sewwieq tal-Mercedes. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa għall-Honda sa mill-2006. Sebastian Vettel lejn l-aħħar irnexxielu wkoll jaqbez lil Hamilton biex spiċċa fir-raba’ post.