Lokali Turiżmu

AĠĠORNATA: Il-Qorti tilqa’ l-mandat ta’ inibizzjoni tal-Air Malta fuq l-azzjoni industrijali tal-bdoti

L-ALPA mistennija tagħmel kontro-mandat

Kompliet tisħon il-qiegħa bejn il-bdoti u l-Air Malta, hekk kif il-linja nazzjonali tal-ajru preżentat mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqfu l-azzjonijiet tal-ALPA. Bil-qorti laqgħat proviżorjament il-mandat ta’ inibizzjoni li għamlet l-Air Malta biex twaqqaf lill-Union tal-piloti.

Fi stqarrija l-Air Malta qalet li din l-azzjoni hija konsegwenza tal-fatt illi l-Gvern irrifjuta t-talba biex jiggarantixxi l-ħlas fl-iskema tal-irtirar kmieni.

Il-maġġoranza tal-piloti li jiffurmaw parti mill-ALPA, bdew azzjonijiet industrijali għaliex il-Gvern baqa’ ma daħalx f’diskussjoni magħhom dwar il-Ftehim Kollettiv.

L-Air Malta qalet li se tikkwantifika d-danni li diġà qed issofri minħabba l-azzjonijiet industrijali illegali u se tagħmel talba għad-danni. L-Air Malta qalet li filwaqt li tirrikonixxi d-dritt ta’ azzjoni industrijali, dan id-dritt għandu l-limitazzjonijiet tiegħu għaliex il-kumpannija ma tistax issofri konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-ALPA u l-Gvern, għax huwa l-azzjonist tagħha. Żiedet tgħid li l-ALPA naqset ukoll li tonora l-ftehim kollettiv qabel ordnat l-azzjoni industrijali.

Il-kumpannija sostniet li hija fittxet li tagħmel kompromess fuq kull kwistjoni li l-ALPA qajjmet dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim kollettiv li ġie ffirmat is-sena l-oħra u anke ħallset allowance ieħor lill-bdoti biex jagħmlu t-taħriġ tal-kadetti.

Sa dalgħodu kienu diġà ġew affetwati 12-il titjira tal-Air Malta

Il-kumpannija qed tgħid li t-talba tal-ALPA tmur kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea għaliex il-garanzija li qed jitolbu hija kkunsidrata bħala għajnuna statali.

Minn naħa tagħha l-ALPA, mistennija tagħmel kontro-mandat wara li qajmet din il-kwistjoni għax ma taqbilx mal-ftehim strateġiku bejn il-Gvern u r-Ryanair biex titwaqqaf il-Malta Air.

L-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ mit-Tnejn filgħodu f’nofs il-lejl, fejn it-titjiriet kollha tal-Air Malta se jitilqu nofs siegħa aktar tard mill-ħin skedat. Sat-Tnejn filgħodu kien diġà ġew affetwati 12-il titjira tal-Air Malta.