Il-Gvern, permezz tal-Ministeru tat-Turiżmu, qed juża numru ta’ billboards madwar il-pajjiż biex jiftaħar bil-bajja tal-Balluta li reġgħet saret bir-ramel ġdid. Dan minkejja li erbat ijiem wara li tlesta l-proġett, ir-ramel tagħha reġa’ nġarr mill-baħar – l-istess kif ġara s-sena l-oħra.
Apparti li l-Gvern qed jiftaħar bi proġett li lanqas biss għamlu hu – għaliex sar minn kumpanija privata – Net News jista’ jiżvela li r-riklamar qed isir fuq billboards li huma llegali. Tant hu hekk li ma’ dawn il-billboards wieħed isib avviżi ta’ infurzar li twaħħlu fl-24 ta’ Ġunju li għadda.

Il-billboards huma ta’ kumpanija li magħha l-Partit Laburista għandu storja twila ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Tant hu hekk li dawn l-istess billboards intużaw mill-Partit Laburista matul il-kampanja elettorali li għaddiet.
Din il-kumpanija ilha snin twal taqla’ multa wara l-oħra minħabba llegalitajiet marbuta mal-billboards tagħha.
Skont il-liġi, il-billboards politiċi huma permessi li jitpoġġew meta tkun riesqa kampanja elettorali. Iżda suppost jitneħħew eżatt wara l-elezzjoni – xi ħaġa li l-Partit Laburista m’għamilx.