Futbol Sport

Casillas jirritorna għat-taħriġ xahrejn wara li sofra attakk ta’ qalb

Il-gowlkiper ta’ Porto Iker Casillas irritorna għat-taħriġ ilbieraħ, xahrejn wara li kien sofra attakk ta’ qalb. L-eks captain ta’ Real Madrid li għandu 38 sena kiteb fuq twitter b’ritratt tiegħu jasal fil-kumpless ta’ Porto.

L-Ispanjol lagħab 31 logħba l-istaġun li għadda hekk kif Porto spiċċaw it-tieni fil-kampjonat. Casillas għamel ħamest ijiem fl-isptar qabel ħareġ u qal dak iż-żmien li ma kienx jaf x’se jkun il-futur tiegħu. Hu kien żied li l-pjan kien li jistrieħ għal ftit ġimgħat jew ftit xhur.

Casillas lagħab 725 logħba ma’ Real Madrid f’karriera ta’ 16-il sena mal-klabb Spanja fejn fost l-oħrajn rebaħ tliet darbiet iċ-Champions League u ħames darbiet il-kampjonat.

Hu ngħaqad ma’ Porto fl-2015 u hu l-aktar plejer li lagħab fiċ-Champions League b’total ta’ 177 logħba. Casillas kien parti mit-tim Spanjol li rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2008 u fl-2012 kif ukoll it-Tazza tad-Dinja fl-2010.