Futbol Sport

Godin uffiċjalment plejer ta’ Inter

Wara li t-trasferiment kien prattikament lest għal diversi ġimgħat, ilbieraħ waslet l-uffiċjalità li Diego Godin hu plejer ta’ Inter. Il-captain tal-Urugwaj iffirma kuntratt ta’ tliet staġuni, bid-difensur ta’ 33 sena se jkun salarju ta’ €4.5 miljuni li jista’ jitla’ għal €6 miljuni bil-bonus.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Godin qal li ilu jsegwi l-futbol Taljan minn meta kien żgħir għaliex f’pajjiżu l-futbol Taljan hu segwit. Hu żied li se jibda din l-avventura b’rieda kbira u kkonferma li tkellem mal-eks plejer Alvaro Recoba kif ukoll ma’ sieħbu fit-tim nazzjonali Matias Vecino.

Godin jibqa’ jispikka bħala wieħed mill-plejers importanti fl-istorja ta’ Atletico Madrid. Fid-disa’ snin li lagħab mal-Ispanjoli jibqa’ importanti l-gowl li skorja li bih rebħu l-La Liga fl-istaġun 2013/14. Hu rebaħ ukoll is-Super Cup ta’ Spanja, it-Tazza tar-Re, tliet darbiet is-Super Cup Ewropea u darbtejn l-Europa League. Mal-Urugwaj lagħab 131 logħba u skorja tmien gowls fejn anki rebaħ il-Copa America fl-2011.

Tags