Lokali

Ian Borg jiftaħar li ttieħdet azzjoni wara numru ta’ inċidenti

Quddiem il-Ministru l-MDA ma tgħidx dak li qalet il-ġimgħa li għaddiet

Il-Ministru Ian Borg, b’ħafna pompi ftaħar li l-Gvern ħa azzjoni, u emenda l-liġi fil-qasam tal-kostruzzjoni wara li saru numru ta’ inċidenti.

Dan ħareġ f’laqgħa li saret it-Tnejn waranofsinhar mtella’ mill-MDA għall-membri tagħha.

Il-laqgħa saret wara li ħafna kkritikaw lill-Gvern li l-azzjoni kellha tittieħed ferm qabel kellha tittieħed bi prekawzjoni u mhux wara.

Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta dawk li sostnew li l-liġi ddaħħlet bl-għaġla, imma fil-preżenza ta’ Ian Borg, il-membri tal-MDA ftit li xejn maqdruha.

Dan ikkontradixxa l-istqarrija li nħarġet ġimgħa ilu hekk kif l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi talbet it-twaqqif ta’ kunsill tal-iżvilupp li jkollu l-awtorità li japprova l-ħruġ ta’ liċenzji lill-kuntratturi għall-iskavar u t-twaqqigħ. Saħqet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ reġistru ta’ żviluppaturi approvati.

Fl-istess stqarrija li ħarġet l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi qalet li l-industrija tal-bini teħtieġ bidla mill-qiegħ u li ma taqbilx li s-site managers għandhom bilfors ikunu periti warranted. Dawn il-punti iżda ftit li xejn tqajmu waqt il-laqgħa li ġiet mtella’ t-Tnejn waranofsinhar.

Tul il-laqgħa tal-MDA.

Fil-laqgħa iżda, dawk preżenti, ma ħasbuhiex darbtejn biex f’waqtiet jinterompu lill-kelliema u jistaqsu numru ta’ mistoqsijiet fuq xi jfissru numru ta’ emendi li saru. Tul il-laqgħa l-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li mhux se jagħmel bħal dawk li tkellmu qabel u mhux se jwaħħal f’ħadd, u mhux se jagħmel bħal dawk li waħlu f’kulħadd inkluż anki fil-periti.