Omm il-vittma maqtula f’Settembru tixhed fil-konfront tal-akkużat f’ġurin
“Jekk ma kienx kuntent magħha, messu qabad it-tfal tiegħu u telaq il-barra. Uliedek huma demmek, binti hija demmi. Naħfirlek imma…” qalet il-mara viżibilment aġitata, hekk kif bdiet tħares fiss lejn l-akkużat, u żżomm is-santa ta’ bintha ma’ sidirha, b’leħinha xejn ċar u f’xi ħinijiet anke taqbżilha xi demha.
“Il-Ġimgħa int se tispiċċa f’ambullanza, s-Sibt jien se nkun fil-karozza tal-mejtin,” kienu l-aħħar kliem mitkellma minn Maria Lourdes Agius wara episodju ieħor ta’ vjolenza domestika u dan ftit tal-jiem qabel ma nqatlet.
Episodji tal-vittma minn relazzjoni ta’ ftit anqas minn erba’ snin ma’ Michael Emmanuel, missier tnejn mit-tfal tagħha, ġew irrakkontati minn Mary Agius, omm il-vitmma li anke mill-apparenza tagħha tidher li sofriet ħafna hekk kif hi telgħet tixher tard wara nofs in-nhar fil-ġurin li qed isir fil-konfront ta’ Emmanuel mill-Kosta tal-Avorju.
Il-ġurati jridu jiddeċiedu jekk Michael Emanuel mill-Kosta tal-Avorju kienx f’sensih meta huwa qatel l-omm ta’ sitt itfal, Maria Lourdes Agius. Il-ġurati li ntagħżlu f’dan il-ġuri ħadu posthom quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn deheru ppreparati li jisimgħu każ mimli niket.
L-armla, li kienet ix-xhud prinċipali, f’xi ħinijiet bdiet tieħu l-pawżiet biex titkellem u anke tħares lejn is-santa ta’ bintha, spjegat kif il-koppja l-ewwel kienu joqgħodu f’appartament mikri fil-Qawra qabel ma marru fl-appartament tal-familja ġewwa Raħal Ġdid, fejn seħħ l-allegat qtil.
Ix-xhud qalet li bintha sofriet ħafna f’ħajjitha, dejjem ipprovat isib missier u qalet li bintha welldet seba’ ulied, minn ħames missierijiet differenti, bl-akkużat huwa missier tnejn minnhom.
“Mike” kien ġenitur tajjeb li għen ħafna li tlieta minn uliedha li dawn kienu jgħixu mal-koppja, kellu mpieg bħala kaħħal u kellu l-intenzjoni li jakkwista l-appartament ta’ Raħal Ġdid fejn fih beda wkoll jagħmel xi xogħol.
Madankollu, r-relazzjoni tal-koppja kienet iddeġenerat, l-aktar fl-aħħar sena, meta argumenti vjolenti bdew iseħħu b’mod frekwenti u l-aktar fuq il-flus u l-fatt li l-ex sieħeb tal-vittma kien xi kultant jiġi jara lil ibnu fl-appartament ta’ Raħal Ġdid.
“Jien kont niftħilha għajnejha u ngħidilha biex ma ddaħħalx irġiel oħra fl-appartament. Kont nibża’ li tinqala’ xi waħda u l-irġiel jaqbdu jiġġieldu, qalet il-mara.
“Mike” kien ukoll jitlef it-tempra meta l-vittma kienet tuża’ l-flus biex tagħmel xagħra u d-dwiefer, qalet ix-xhud. Huwa dejjem kien jinsisti li l-ewwel għandhom jinxtraw affarijiet għat-tfal u wara għall-oġġetti oħra bħal dawk tad-dar.
“X’se tagħtihom lit-tfal? Ta’ spiss kien jistaqsi lil omma il-vittma, hija qalet fejn tenniet ukoll li kien jgħajtilha “Ma’.” Fl-aħħar inċident, meta x-xhud kienet indaħlet waqt wieħed mill-argumenti li kellha l-koppja, fejn hu waddad sikkina għal fuq tapit, l-akkużat taha daqqa ta’ ponn lilha (ix-xhud) u waddab siġġu tqil lejn dahar Lourdes.
“Kont irrabjata. Dak il-ħin kont qed naħseb fuq meta ftit tax-xhur qabel, binti spiċċat l-ITU f’qagħda kritika wara li welldet l-aħħar tarbija. Għaliex kien jitratta b’dan il-mod?” qalet l-omm, li ta’ spiss kienet tgħidilha biex tieqaf milli jkollha aktar tfal.
Wara dak l-inċident, Mike qalilha, “No dress, no shoes, out, out!” u tefa’ l-omm il-barra. Hija ttieħdet l-isptar fejn fetħet qalbha ma’ tabib, li qaltlu li hi u bintha kienu qegħdin jiġu mhedda..
Kien sar rapport lill-Pulizija mill-omm u l-bint fejn huma kienu ġew imwissija biex jitolbu għal għajnuna, jekk l-akkużat jerġa’ jirritorna lura wara li kien telaq.
Fil-fatt huwa spiċċa rritorna, fejn xxuttja l-bieb tal-entratura komuni u beda jisħaq li ried jara lil ibnu. L-omm kienet wissiet lil bintha biex ma ddaħlux, iżda hi ma tatx każ, anzi tefgħatlu ċ-ċwievet biex jidħol.
“Xejn ma’ ġara. Ilbes u barra. U Lourdes marret tixtri,” meta hija ratu l-għada filgħodu fil-15 ta’ Settembru, anke jekk hija qalet li semgħatu jitla fuq il-bejt u jinżel matul il-lejl.
Hija daħlet minn bejn ir-raġel inkiss inkiss fil-kamra tas-sodda, fejn kien hemm bintha taħt il-friex. Hija messietilha l-koxxa u mill-ewwel ħasset li kienet mejta. “Inħobbok” qalet lil bitnha minn taħt l-ilsien.
Hija kienet reġgġħet daħlet fil-kamra hekk kif il-Pulizija waslu fuq il-post, wara li l-istess akkużat kien għamel rapport lill-Pulizija. “Wara ma kellimtux iżjed wara dan kollu. Ma stajtx inġib lil Lourdes lura ħajja”, kompliet tgħid l-omm.
Hija rrakkontat ukoll kif madwar tliet ġimgħat qabel l-inċident, hija nnutat pupa maħruqa fil-kċina u li sabet ukoll xema’ mixgħula fl-indana tat-taraġ, fejn hija ħasbet li din kienet għall-memorja ta’ żewġha li kien miet, imma wara ssuspettat li din kienet xi magħmul u li kellha xi mplikazzjonijiet oħra.
Meta kellmet qassis u fetħet qalbha miegħu, dan qalilha, “għid lil Lourdes biex tiġi tkellimni malajr….dak kien sinjal li se joqtol lilek jew lilha”, qalilha l-qassis. Madankollu bintha ma ħaditx il-parir tagħha. “Forsi kieku ma kienx jiġri dak li ġara.”
Waqt il-kontro-eżami il-mara qalet li ma kienitx qalet lill-Pulizija mill-ewwel li kienet daħlet fil-kamra tas-sodda waħidha. Qalet li hi kienet ukoll sabet tliet sinniet ta’ bintha taħt tapit wara li l-Pulizija kienu telqu, u li hi kienet ramiet.
Wieħed mill-ġurati staqsiha x’riedet tfisser b’ ‘ouija board, li semmiet aktar qabel fix-xhieda tagħha’ bil-mara twieġeb li xi ħadd ġej biex joqtlok. Wara xehed ukoll ħu l-vittma fejn qal li darba huwa argumenta mal-akkużat u kien ċempel lill-Pulizija.
Huwa mill-ewwel kien induna li dan ir-raġel ma kienx wieħed ideali għal oħtu, iżda ma spjegax għaliex meta mistoqsi mill-Qorti. “Ma rridx nikkawża inkwiet u bqajt lura. Meta kellimt lil oħti dwar dan, ma tantx ħadet pjaċir,” qal Jean Paul Agius.
Hekk kif beda l-ġuri l-akkużat ta’ 29 sena li kienu ilu jgħix mal-vittma għal aktar minn tliet snin deher kalm b’idejh marbutin, bl-avukati tal-għajnuna legali tiegħu Marc Sant u Dustin Camilleri jinfurmaw lill-Qorti li l-klijent tagħhom xtaq iwieġeb li huwa wettaq dan l-att minħabba li ma kienx stabbli mentalment.
Michael Emanuel qed jiġi mixli bil-qtil brutali f’Settembru tal-2018 fejn Agius mietet mgħallqa. Wieħed mill-Prosekuturi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat Charles Mercieca, spjega lill-ġurati fuq xhiex kellhom jiddeċiedu.
“Michael Emanuel qed jallega ġenn u għahekk dak li qed jgħid irid jippruvah. Il-liġi tgħin li min jallega jrid jipprova u dan il-każ mhux differenti. Mhux biżżejjed li xi ħadd jgħid li huwa mentalment instabbli jew li jġib ċertifikat biex jipprova dan kollu wara li seħħ il-fatt’, qal il-Prosekutur.
“Agius ma kellhiex it-tfal ma’ miġnun, ma kienitx f’relazzjoni ma’ miġnun u ma kienitx tgħix ma’ miġnun. Kien jaf il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu, kien jaf x’kien tajjeb u ħażin. Il-Prosekuzzjoni se turi li lanqas kien hemm il-probabbilita’ li kien miġnun.”
Agius ta’ 35 sena, nstabet mgħallqa mejta fil-kamra tas-sodda tagħħa fil-15 ta’ Settembru li għadda. Il-qtil tagħha, r-raba’ li nvolviet mara dik is-sena, ġiegħlet l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa biex jorganiżżaw protesta kontra dak li kien qed jiġri lill-persuni femminili.
Il-Prosekutur qal li dak il-lejl l-akkużat ħa deċiżjoni, li qagħad jaħseb fuq dak li ġara u dam sas-7.00 a.m. tal-għada biex mar jirrapporta l-mewt tal-mara għand il-Pulizija.
Emanuel kien qal li hu kien ippressa kurċifiss fuq l-għonq ta’ Maria Lourdes Agius’ u għallaqha bih. “Issa naraw jekk dak li qal hux se jkun ikkonfermat mit-tobba”, qal il-Prosekutur.
“Probabbli? Hu dejjem ħasab seta’ jaħrab mir-realta’ tal-qtil.” Huwa qal lill-ġurati li Emanuel iffalsifika dokumenti li kellu fil-pusses tiegħu, qabel ma spjega xi tfisser eżatt il-kelma ta’ legal insanity u distinzjoni bejnha u bejn medical insanity.
“Wieħed jista’ jkun medikalment miġnum iżda mhux miġnun legalment u bil-maqlub, li qegħdin infittxu hija l-kapaċita u x-xewqa u nifhmu il-konsegwenzi tal-azzjonijiet. Mhux qegħdin infittxu għal xi djanjosi. Huwa jrid jipprova wkoll li kien miġnun fil-lejl tal-omiċidju u mhux wara jew qabel”, qal l-Avukat.
Kif nistgħu nafdaw lil dan ir-raġel, meta fil-lejl tal-qtil huwa talab bil-ħniena lil Lourdes biex tmur fis-sodda ħdejh, kellu x’jaqsam magħha sesswalment u wara qatilha? “Miġnun jew giddieb? qal il-Prosekutur. Il-ġurija hija komposta minn seba’ nisa u erba’ t’irġiel, bi tnejn minnhom ikunu riżervi.
Jekk il-ġurati jsibu lill-akkużat kien normali waqt il-kummissjoni tad-delitt, il-proċeduri kontrih ikomplu, imma jekk jinstab li kien fi stat tal-ġenn, allura hija mistennija sentenza ta’ riabilitazzjoni fl-isptar Monte Carmeli, u l-każ jaqa’. Il-każ ikompli t-Tlieta filgħodu fid-9.00 a.m.
“