Lokali Parlament

Il-Gvern qed jimpjega ‘persons of trust’ mingħajr limiti – Ombudsman

Hemm tħassib serju dwar jekk il-ħatriet tal-Gvern tal-persons of trust humiex kostituzzjonalment korretti.

Dan saħqu l-Ombudsman Anthony Mifsud fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2018 li ġie ppreżentat fil-Parlament. Fir-rapport intqal li l-interpretazzjoni tal-Gvern, li dawn il-ħatriet isiru skont il-kostituzzjoni, hija skorretta għall-aħħar.

L-Ombudsman saħaq li l-kostituzzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn impjieg full time u dak part time fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika u għaldaqstant għandu r-riservi kemm tali impjiegi huma legali.

Huwa spjega li sal-2013 din kienet l-istess opinjoni tal-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi, esperti legali u awtoritajiet varji. Madanakollu, kompla Mifsud, din il-kwistjoni tista tiġi riżolta biss mill-Qorti Kostituzzjonali.

Din mhux l-ewwel darba li l-Ombudsman aċċenna għal din il-kwistjoni hekk kif kemm-il darba saħaq li l-ammont ta’ ħatriet ta’ persons of trust fis-Servizzi Pubbliċi jrid jonqos – jidher li l-Gvern donnu tilef il-kontroll, u m’għandu l-ebda limitu. Għaldaqstant, iridu jiġu introdotti emendi kemm legali kif ukoll kostituzjonali.

Finalment, l-Ombudsman spjega li l-pożizzjoni tiegħu ġiet riflessa korrettament fir-rapport tal-Kummissjoni Venezja jiġifieri li l-għażliet tal-amministrazzjoni preżenti ma jindirizzawx ir-regoli aktar ristretti li ġew introdotti lura fl-2004.