Internazzjonali

Jibqa’ ma jintlaħaqx qbil… il-laqgħa sospiża għal għada filgħodu

Wara diskussjoni twila ta’ madwar 18-il siegħa, dwar il-pakkett ta’ trattat fuq l-ogħla karigi tal-UE li ħin minnhom deher li seta’ jintlaħaq ftehim, il-President tal-Kunsill tal-EU Donald Tusk issospenda l-laqgħa għal għada filgħodu fil-11.

Kmieni dalgħodu fi Brussell il-mexxejja Ewropej komplew bit-taħditiet dwar min se jkun President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan wara li l-mexxejja Ewropej għamlu lejl twil ta’ dibattitu bħala sforz biex isibu kompromess fuq l-ogħla karigi fi Brussell.

Taħt il- “ftehim Sushi”, il-mexxejja tat-28 pajjiz tal-UE kieku jinnominaw lill-Olandiż soċjali demokratiku Frans Timmermans bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, aktar milli lill-konservattiv Ġermaniż rivali tiegħu Manfred Weber. Fejn imbagħad Weber minflok jitressaq għall-elezzjoni bħala kelliem tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-kandidat liberali jsir president tal-Kunsill tal-UE.

Iżda, meta l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ipproponiet dan, diversi rribellaw u ma ntlaħaqx ftehim. Is-summit baqa’ għaddej matul il-lejl u qed ikompli dalgħodu…. bit-tama li jintlaħaq ftehim.

Id-diplomatiċi tal-UE qed ikomplu jsostnu l-pożizzjoni tagħhom hekk kif ma tantx kien hemm tibdil fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Il-ftehim mistenni jkun wieħed diffiċli hekk kif il-kamp Soċjalista qed ikompli jiddefendi lill-kandidat tiegħu Frans Timmermans.