Lokali

“Mal-200 żiemel għall-qatla malli l-Gvern jimplimenta r-regoli ġodda” – il-kuċċiera

Ritratt: Frank Vincentz

Malli jidħlu fis-seħħ regoli ġodda li l-Gvern irid jimponi dwar iż-żwiemel tal-karozzini, quddiem il-biċċerija mistennija jittieħdu mal-mitejn żiemel biex jitraqqdu ….għax is-sidien tagħhom ma jkollhomx biex imantnuhom.

Dan iddikjarawh magħna kuċċiera li jinsabu sorpriżi b’dikjarazzjonijiet li għadda l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Dennis Montebello fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-ħinijiet li qed jipproponu huma nistgħu naqbdu aħna, kontra qalbi li nagħmilha jien, li ntuh iż-żwiemel u jraqqadhom. M’għandniex biex nitimgħuhom u mhux se jkollna biex inżommuhom dawn,” stqarr Kevin Debono, kuċċier.

Kompla li ċ-Chairman tal-Animal Welfare Counsil qallu: “Jien dik biss qed tinkwetani, mitejn żiemel x’se nagħmel bihom jien?”

Il-proposti jinkludu li bejn Lulju u Settembru, għal ħin twil mal-ġurnata, il-karozzini ma joperawx kif ukoll li ma jinstaqux għat-telgħa.

“Bejn nofsinhar u s-sitta mmur inżarmaw u narmaw fis-sitta. X’se tiġi tagħmel fil-Belt Valletta fis-sitta ta’ filgħaxija? Ħa ngħabbi l-karozzi, se ngħabbi lin-nies biex imorru jieklu?” jistaqsi l-istess kuċċier li jinnota li l-ħinijiet li qed jipproponi huma l-aqwa ħinijiet tal-familji tagħhom, tal-għixien tagħhom u taż-żwiemel tagħhom.

“Dażgur li ma nistgħux inżommu ż-żwiemel. Mela mill-1 ta’ Lulju sal-1 ta’ Settembru daż-żiemel ma jridx jiekol, jien ma rridx niekol u l-familja tiegħi ma tridx tiekol?” jistaqsi Debono.

Il-kuċċiera qed jilmentaw li l-awtoritajiet ħarġu r-regoli meta lanqas għandhom idea. Fost dawn li kull kuċċier għandu minn żiemel sa erba’ biex jingħataw mistrieħ ta’ jiem infila u li għandhom sensiela ta’ spejjeż oħra.

“Nonfqu €15 fuq kull card biex liż-żiemel intuh x’jixrob. Jekk hawn għandna dranaġġ inħallsuh il-kuċċiera kollha. Dan ma għamlilna xejn bi pjaċir, tlabnieh aħna u nħallsuh aħna. Għandna spejjeż kbar u jafu biżżejjed li għandna l-ispejjeż taż-żiemel. Liż-żiemel aħna nħobbuh daqslikieku membru tal-familja għax iġibilna l-għixien. Huma jridu jaqtawlna l-għixien tagħna,” iwissi Kevin Debono.

Qed jitqajmu dubji wkoll dwar min ta l-pariri lill-awtoritajiet b’ċertu dikjarazzjoniet huma mgiddba mill-esperti fosthom li ż-żwiemel issirilhom ħsara jekk jaħdmu fuq it-tarmak.

Jinnota li “l-veterinarji taż-żwiemel propja, meta żiemel ikollu injury, jgħidlek anzi li l-importanti li tħaddmu fuq it-tarmak. L-iktar ħaġa importanti, ħaddmu fuq it-tarmak. Jiġifieri dawn l-affarijiet lill-Kummissarju lanqas biss qaluwielu.”

Lanqas ġie kkunsidrat rapport tal-World Animal Protection, li fl-2009 u fl-2015 ma sab l-ebda problemi wara li esperti barranin raw kif jaħdmu l-kuċċiera u spezzjonaw b’mod metikoluż liż-żwiemel. 

Allura staqsejna lil Debono dwar kif il-Kummissarju Montebello ddikjara li l-kuċċiera ma tantx ilmentaw. “Ma kkomplejnajniex x’jiġifieri? Jekk jgħid hekk id-Direttur nixtieq niltaqa’ miegħu fuq it-televixin ħalli ngħidlu: Jien ma qbilt miegħek f’xejn. Għidtlu le sur Direttur, mela tista’ taqtali l-għixien tiegħi?”

Il-kuċċiera jiddikjaraw li l-proposti mressqa huma intiżi biss biex jagħlqu ħalq in-nies u li huma lesti jikkoperaw, fosthom li jbiddlu r-rotta u li meta jridu jmorru veterinarji speċjalizzati fuq iż-żwiemel biex jiċċekkjawhom. “Lesti li nsibu qbil miegħu, iva. Forsi tkun heatwave, fuq 40, iva dakinhar il-kuċċier ma joħroġx minn ġor-remissa. Lesti li nikkoperaw mal-Animal Welfare.”

Iżda l-awtoritajiet injoraw talbiet ta’ kooperazzjoni u lesti jibdew jimponu r-regoli ġodda mmedjatament, kif jispjega dan il-kuċċier. “Daħlitli telefonata mit-Transport Malta li l-Animal Welfare qed tagħmlilhom pressjoni biex jiġu u jneħħu l-karozzini mill-ħinijiet li qed jgħidu huma.”

Dan minkejja li s’issa għad m’hemm l-ebda liġi li l-kuċċiera jafu biha.

https://l.facebook.com/l.php?u=https%3A%2F%2Fyoutu.be%2FJU9TtzRsfuM%3Ffbclid%3DIwAR2s-Y4q5-LIRyN7fhnZ_pPcMTQybS8Lb6U9NzvA_46ilJ6PJUtTaKVeZvs&h=AT1clNrEZb5dxJgzhnoaruZC1-r2aWPFJJLKWHXA82lfe2hke5bOnFWHAhb8PD7XckAVpAxNwhSRRwJ0NVWQMRg3SsEEcLEL1kyRC1d0h4Dz3eboLguVkZ6KMzlqAEtZ9Gw