Bejn l-Erbgħa li ġej u l-14 ta’ Napli tibda t-30 edizzjoni tal-Universiade li se ssir f’Napli. Minkejja l-parteċipazzjoni ta’ diversi pajjiżi, sfortunatament f’din l-edizzjoni mhux se jkun hemm parteċipazzjoni Maltija, f’dan l-avveniment internazzjonali li jlaqqa’ atleti minn numru ta’ universitajiet madwar id-dinja.
Il-ħsieb oriġinali kien li jkun hemm l-akbar kontinġent Malti preżenti f’dawn il-Logħob b’total ta’ tmien atleti minn erba’ dixxiplini differenti. Dawn kellhom ikunu Katryna Esposito u Francesco Aufieri mill-judo, Jacob El Aida Chaffey u Claire Azzopardi mill-atletika, Marcello Attard u Gianluca Chetcuti mill-isparar u Thomas Wareing u Francesca Falzon Young mill-għawm.
Dan is-sit għamel kuntatt mal-President tal-Malta University Sports Club Jozef Spiteri fejn qalilna li l-problema prinċipali kienet in-nuqqas ta’ koperazzjoni minn uħud mill-assoċjazzjonijiet sportivi, dan minbarra problemi oħra fosthom ta’ fondi.
Spiteri qal li hu saqsa biex jintbagħtu d-dettalji kollha sat-3 ta’ Mejju biex ikun hemm żmien biżżejjed biex issir il-ħidma amministrattiva neċessarja. Hu qal li l-assoċjazzjonijiet tal-judo u l-isparar bagħtu ġimgħa qabel id-data tal-għeluq u ma kellux intoppi filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tal-atletika u l-għawm bagħtu d-dettalji fl-1 ta’ Ġunju u kien hemm biss ġurnata u nofs biex isiru l-arranġamenti kollha, apparti l-problemi finanzjarji.
B’hekk sfumat l-opportunità biex tmien atleti Maltin ikollhom opportunità oħra li jikkompetu f’kompetizzjoni internazzjonali, kif wara kollox se jagħmlu diversi atleti oħra madwar id-dinja.
//= $special ?>