“Mhux ser niġu ntimidati mit-tattiċi adottati mill-Air Malta”.
Hekk sostnew kelliema għall-Unjin tal-Bdoti l-ALPA hekk kif fi stqarrija saħqu li qed jsegwu b’reqqa l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tagħhom mil-linja tal-ajru nazzjonali fuq il-midja lokali.
L-ALPA sostnew li l-Air Malta qed tiprova tgħawweġ il-fatti magħrufa kif ukoll qed tpinġi sitwazzjoni falza tar-realtà preżenti u għaldaqstant qed tirrikorri għal nofs veritajiet.
Huma saħqu li l-ħaddiema u l-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta dejjem ħadmu sabiex iwettqu xogħolhom b’mod mill-aktar professjonali bil-għan li jakkomodaw l-eżiġenzi kollha tal-passiġġieri. Dan minkejja li f’diversi istanti saħansitra marru kontra d-drittijiet tagħhom waqt li fl-istess ħin ikollhom iħabbtu wiċċhom ma theddid u intimidazzjonijiet ta’ din il-kwalità.
Għaldaqstant l-ALPA spjegat li wasslet għad-deċiżjoni li ssejjaħ azzjoni industrijali kawża tal-fatt li l-kumpanija falliet kemm-il darba milli tindirizza l-inkwiet tal-impjegati.
Sadanittant ħabbru li rtiraw temporanjament is-sejħa tal-istrajk industrijali wara ordni mill-Qorti.
//= $special ?>
