Marcus Rashford iffirma kuntratt ġdid ta’ erba’ snin ma’ Manchester United, bil-klabb Ingliż għandu l-għażla li jġedded il-kuntratt b’sena oħra. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Rashford se jkollu salarju ta’ bejn €225,000 u €250,000 fil-ġimgħa. Il-plejer ta’ 21 sena ilu plejer regolari tal-klabb minn meta għamel id-debutt fi Frar tal-2016.
Minn dakinhar hu lagħab 184 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha u skorja 50 gowl kif ukoll għamel 26 assists. Sa issa ma’ Manchester United, Rashford rebaħ l-FA Cup, il-Community Shield, il-League Cup u l-Europa League. Rashford hu wkoll plejer regolari mat-tim nazzjonali Ingliż fejn sa issa lagħab 32 logħba.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ffirma l-kuntratt, Rashford qal li Manchester United ilu parti minn ħajtu minn meta ngħaqad mal-klabb fl-età ta’ seba’ snin. Hu żied li l-klabb iffurmah kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna u kompla li hu dejjem ta’ privileġġ għalih kull darba li jkollu l-opportunità li jilbes il-flokk.
Din l-aħbar tkompli tkabbar l-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Romelu Lukaku hekk kif mal-wasla ta’ Ole Gunnar Solskjaer fit-tmexxija teknika tar-Red Devils, Rashford kien utilizzat bħala l-attakkant ewlieni għas-spejjeż ta’ Lukaku. L-attakkant Belġjan qed jissemma li jista’ jingħaqad ma’ Inter.
//= $special ?>