Permezz tal-Avukati tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jippreżenta rikors fil-Qorti Kostituzzjonali biex tliet Ministri tal-Gvern,
Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi – jitellgħu jixhdu fl-appell li qed isir mill-Kap tal-PN biex ir-rapport Egrant ikun pubbliku fl-intier tiegħu.
L-Avukat Vince Galea, wieħed mill-Avukati ta’ Adrian Delia qal filwaqt li l-Avukat Ġenerali ma jridx jagħti aċċess għal dan ir-rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-poplu, dawn il-Ministri li suppost m’huma involuti bl-ebda mod fir-rapport dwar il-kumpanija Egrant – f’kawża separata, ikkwotaw siltiet mir-rapport tal-Inkjesta li s’issa għadhom qed jinżammu mistura.
Dan kollu jfisser diskriminazzjoni totali kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-poplu Malti u Għawdxi. L-Avukat Galea qal fil-Qorti li kull ġurnata li tgħaddi hija diskriminatorja.
Qal li filwaqt li l-Avukat Ġenerali bagħat kopja lill-Prim Ministru, kif ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, b’email, kopja lill-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u lill-Avukat Pawlu Lia, issa ħareġ li tliet Ministri tal-Gvern għadhom informazzjoni wkoll fuq ir-rapport.
L-Avukat Galea qal lill-Qorti li dak li kkowotaw il-Ministri ħareġ wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni intavola l-appell. Kien għalhekk qal l-Avukat li ntalbet l-urġenza. Peress li huwa mistenni li l-Avukat Ġenerali se jirrispondi għar-rikors ta’ Adrian Delia, il-Qorti qalet li se tisma’ t-trattazzjoni tar-rikors u r-risposta tar-rikors fil-15 ta’ Lulju li ġej fid-9.30 a.m.
Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri semgħet ukoll lill-Avukat Ġenerali jgħid fil-Qorti li fuq li xehdu t-tliet Ministri m’għandu x’jaqsam xejn ma dan il-każ, u wieħed irid jara eżatt x’qalu u ma qalux f’każ li kellu x’jaqsam ma’ kuntratt tal-isptarijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiġġieled dan il-każ fil-Qorti biex jingħata aċċess għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant bħalma għandhom il-Prim Ministru u esponenti oħrajn tal-Partit Laburista u għalhekk qalet id-difiża tal-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun magħruf dwar x’jafu u ma jafux il-Ministri fuq rapport li mhux suppost qiegħed għandhom.
Nhar it-Tnejn, 15 ta’ Lulju l-Qorti tal-Appell minbarra li tisma’ r-rikorsi tal-partijiet mistennija titlob lill-partijiet lista tax-xhieda u l-programm dwar kif se jimxi l-appell.
Minkejja li l-Avukat Ġenerali qed jopponi kull talba li qed isir minn naħa ta’ Adrian Delia, u dan biex il-poplu wkoll ikun jaf x’fih ir-rapport intier Egrant, għax f’pajjiż demokratiku, hekk isiru l-affarijiet, l-Avukat Ġenerali qed ikompli jinsisti li dan il-proċess m’għandux għalfejn ikun wieħed mgħaġġel. Dan l-atteġġjament kompla jintwera fil-Qorti anke llum.
Ħafna dewmien isarraf f’aktar żmien ta’ inġustizzja u diskriminazzjoni kontra l-Oppożizzjoni u l-poplu Malti. Fil-fatt dwar dan anke l-Għaqda mhux Governattiva Repubblika fetħet kawża fil-Qorti biex tara kif dan ir-rapport jinsab għand il-Ministri msemmija, meta mhux suppost. L-Avukati Vincent Galea u Andre Portelli qegħdin jidhru għal Adrian Delia.
//= $special ?>