Futbol Sport

Tulimieri jħalli lil Ħamrun Spartans u jingħaqad ma’ Valletta

(Ritratt: Valletta FC)

Valletta għamlu l-ewwel akkwist tagħhom f’dan is-suq tat-trasferimenti meta akkwistaw lil Kevin Tulimieri. Hu mistenni jieħu post Miguel Alba li ħalla l-klabb biex ingħaqad ma’ Birkirkara u b’hekk il-kowċ Darren Abdilla għandu sostitut denju fil-fażi offensiva.

Tulimieri kien ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans sena ilu f’dik li kienet l-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna. Wara l-impatt pożittiv li kellu fl-ewwel parti tal-istaġun, f’Jannar li għadda hu ġedded il-kuntratt li suppost kellu jorbtu mal-Ispartans sa tmiem l-istaġun 2019/20.

Fl-unika staġun tiegħu f’pajjiżna, Tulimieri kien fost l-aqwa plejers għat-tim Ħamruniż li spiċċa l-kampjonat fir-raba’ post u skorja tmien gowls fil-kampjonat. Il-midfielder ta’ 27 sena ffirma kuntratt maċ-champions lokali sa tmiem l-istaġun 2021/22.

Douglas Packer qrib Valletta

L-akkwist ta’ Tulimieri żgur mhux se jkun l-aħħar wieħed hekk kif il-Beltin jinsabu viċin l-akkwist ta’ Douglas Packer li fil-passat kien fuq il-kotba ta’ Juventus u Siena. Il-midfielder Brażiljan li kapaċi jilgħab aktar avvanzat, għandu 32 sena u fl-aħħar snin lagħab fil-Brażil. Fl-Italja Packer lagħab ukoll ma’ Pescara u Ravenna.

Nicky Vella jingħaqad ma’ Birkirkara

Il-gowlkiper Nicky Vella ħalla b’mod permanenti lil Valletta hekk kif ilbieraħ ġie ppreżentat bħala gowlkiper ta’ Birkirkara. Vella kien spiċċalu l-kuntratt ma’ Valletta u t-trasferiment sar wara li Birkirkara ħallsu l-parametri tal-plejer. Fl-istaġun li għadda, Nicky Vella lagħab fil-Kampjonat Premier ma’ Pietà Hotspurs. Hu kellu esperjenzi oħra ma’ Tarxien Rainbows minbarra diversi snin ma’ Valletta. Vella ffirma kuntratt ta’ sentejn.