Fi stqarrija uffiċjali, il-Kamra tal-Periti qalet li qed tirrispinġi l-asserzjoni li hi u t-tim ta’ konsulenti legali ma fehmux l-Avviż Legali 136 tal-2019.
Il-fatt jibqa’ li matul l-aħħar ġimgħa saru laqgħat kbar ta’ periti, kuntratturi u żviluppaturi li ġew organizzati sabiex jiċċaraw dak li suppost kien ċar kristall, kompliet tgħid din l-istqarrija li ħarġet fl-aħħar ħinijiet.
F’laqgħa li saret ilbieraħ filgħodu bejn il-Kamra tal-Periti u l-konsulenti tal-Gvern rigward l-Avviż Legali, fil-preżenza tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin – MDA, Sandro Chetcuti, kien maqbul li l-Avviż Legali jeħtieġ numru ta’ emendi, u sadanittant kellhom joħorġu gwidi uffiċjali għall-operaturi fl-industrija dwar it-tip ta’ xogħlijiet li jistgħu jiġu eżentati mill-provedimenti ta’ dan l-Avviż Legali permezz tar-regolamenti 25 u 26, u dwar ir-responsabiltajiet li joħorġu minn dan l-istess Avviż.
L-istqarrija kompliet tgħid li, intqal b’mod ċar lill-Kamra li l-ebda twaqqiegħ jew skavar ma kien ser ikun eżentat mir-regolamenti l-ġodda – Għadu mhux ċar lanqas jekk il-bini ta’ sulari ġodda fuq bini eżistenti hux eżenti minn dawn ir-regolamenti.
Jidher illi l-unika mod kif xogħol ta’ kostruzzjoni jista’ jitħalla jipproċedi huwa billi l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini – BRO, tħalli li rregolamenti jiġu injorati kompletament. Dan iqajjem il-mistoqsijiet jekk is-saħħa tan-nies hix qed tiġi salvagwardjata bid-dħul ta’ dawn ir-regolamenti, jekk iktar tiġrif ta’ bini ser ikun evitat, u jekk din ilkonfużjoni kollha li nħolqot wasslitx għal xi ħaġa, stqarret il-Kamra tal-Periti.
Il-Kamra tenniet l-avviż lill-periti sabiex ikomplu josservaw il-provedimenti tal-Avviż Legali kif inhu, sakemm il-BRO toħroġ gwidi uffiċjali li jinterpretaw dan l-Avviż Legali kif miftiehem fil-ħinijiet li għaddew.
Meta jinħarġu tali gwida, il-Kamra ser tistudja jekk jaqblux ma’ dak li ġie maqbul, u toħroġ pariri lill-membri tal-professjoni.
Il-Kamra ingħatat assigurazzjonijiet li kienet ser tirċievi r-raba’ verżjoni tal-formoli relattivi tal-BRO għall-verifika tagħha qabel ma jiġu ppubblikati iżda l-BRO ma żammietx ma’ dawn l-assigurazzjonjiet.
L-istess Kamra qalet li għadha mhux qed taqbel mal-formoli kif ġew ippubblikati fis-sigħat li għaddew – Il-Kamra hija mħassba ħafna li huma ftit mijiet biss is-siti ta’ kostruzzjoni li reġgħu bdew joperaw. Ma tistax tifhem għaliex inħoloq dan il-kaos kollu, meta issa qed tiġi nfurmata li ħafna mis-siti, ħlief dawk li jinvolvu xogħol ta’ twaqqiegħ u skavar, jikkwalifikaw għal eżenzjoni mir-regoli.
Il-Kamra tal-Periti staqsiet jekk b’dan l-Avviż Legali is-siti ta’ kostruzzjoni huwx ser ikunu iktar siguri?
It-talba tal-Kamra għar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi, li ġiet imtennija b’saħħa mill-membri tal-MDA matul il-laqgħa ta’ informazzjoni li saret ilbieraħ, għadha ma ġietx implimentata mill-Gvern, komplew il-periti lejn l-aħħar tal-istqarrija.
Fl-opinjoni tal-Kamra, dan huwa l-iktar pass kruċjali sabiex tiġi mħarsa is-saħħa tan-nies u ma jiġux ripetuti l-inċidenti li seħħew matul dawn l-aħħar xahrejn.
//= $special ?>