Lokali

F’dawk fil-bżonn, Sr Edmondina rat lil Ġesù

Fil-persuni u l-istudenti fil-bżonn, li Alla fdalha f’idejha, rat lil Ġesù. Hu għalhekk li, aħna li għadna hawn, għandna nitgħallmu mit-tajjeb li ħalliet warajha.

Kliem Dun David Torpiano, li mexxa ċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Suor Edmondina, li mietet fi tmiem il-ġimgħa li għadda…. ftit jiem wara li għalqet it-80 sena.

Hi ngħatat l-Aħħar Tislima fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana, iddedikata lil San Publju.

Bħala persuna li serviet għal għadd ta’ snin bħala l-Kap tal-Iskola Sekondarja St Francis, kienu diversi l-Għalliema u l-Istudenti, preżenti u passati, li attendew bi ħġarhom.

Dun David, li jiġi n-neputi ta’ Suor Edmondina, qal li matul ħajjitha hi dejjem żammet ruħha ppreparata skont it-tagħlim tal-Vanġelu. Għax la aħna pajżana tas-sema pajjiżna, ma nafux is-Siegħa.

Iċ-Ċelebrant kompla li għal dawk li jemmnu, il-mewt tfisser ukoll il-liberazzjoni tal-bniedem mill-irbit ta’ din id-dinja. Tant hu hekk li, Suor Edmondina, issa tinsab f’idejn Alla.

Dun David qal li hi wieġbet b’dedikazzjoni għas-sejħa Reliġjuża u bħala Għalliema, b’dawk li ltaqgħu magħha irreċiprokawlha billi tawha lura l-imħabba tagħhom. Għax Suor Edmondina rnexxielha tgħaqqad il-kariżma Franġiskana fl-Edukazzjoni.

Dun David għalaq b’appell lill-Edukaturi preżenti … li hu d-dmir tagħhom li jgħallmu l-prinċipji Nsara lill-Istudenti li jkunu fdati f’idejhom.