Futbol Sport

Il-kowċ Giovanni Tedesco kontra l-eks tim Ħamrun fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier

(Ritratt: Martin Agius)
Iċ-champions Valletta jibdew kontra Santa Lucia

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun missielta b’diversi partiti interessanti. Tispikka l-logħba bejn Gżira United u Ħamrun Spartans li fiha l-kowċ il-ġdid tal-Gżirjani Giovanni Tedesco se jiffaċċja lill-eks tim tiegħu Ħamrun Spartans, l-istess kif ġralu l-istaġun li għadda meta fit-tmexxija tal-Ħamruniżi bdew kontra Floriana.

Ir-rebbieħa tal-FA Trophy Balzan se jibdew kontra Sliema Wanderers f’logħba bejn żewġ timijiet li ssieltu biex jiksbu post fl-Ewropa fl-aħħar kampjonat. Birkirkara u Floriana se jilagħbu kontra xulxin. It-tnejn kienu fost l-aktar attivi fis-suq tat-trasferimenti wara staġun deludenti.

Iċ-champions Valletta se jibdew kontra t-tim promoss Santa Lucia filwaqt li Hibernians li spiċċaw it-tieni fl-istaġun li għadda jaffrontaw lil Gudja United fl-ewwel logħba, biċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Sirens jibdew kontra Senglea Athletic.

(Ritratt: Martin Agius)

Fatt interessanti hu li għal staġun ieħor, il-konfront bejn Valletta u Ħamrun Spartans se jerġa’ jintlagħab fl-aħħar ta’ kull rawnd filwaqt li logħbiet interessanti fl-aħħar ġurnata se jkunu bejn Hibernians u Gżira United u Floriana kontra Sliema Wanderers.

Għal dan l-istaġun il-logħbiet tal-Kampjonat Premier se jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali, fis-Centenary Stadium u l-Hibernians Stadium. Dan ifisser li fil-Victor Tedesco Stadium mhux se jintlagħbu logħbiet tal-ogħla diviżjoni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li l-istaġun li għadda spiċċa sabiħ ħafna u bħal donnu ma riedx jispiċċa. Hu sejjaħ il-Bank of Valletta bħala sieħeb ewlieni fil-livelli kollha tal-futbol u awgura wkoll lill-erba’ timijiet li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Charles Azzopardi f’isem il-BOV jittama li jkun kampjonat sabiħ u saħaq li l-isport hu pedina importanti għall-bank u żied li l-BOV għandhom impenn ċar ta’ sostenn lejn l-isport.

(Ritratt: Martin Agius)

Il-format tal-kampjonati kollha se jibqgħu l-istess jiġifieri l-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni b’14-il tim, it-Tieni Diviżjoni bi 13-il tim u t-Tielet Diviżjoni bi 12-il tim. Kull kampjonat jintlagħab fuq żewġ rawnds.

L-ewwel żewġ timijiet mill-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni jkunu promossi u l-aħħar tnejn ikunu relegati filwaqt li t-tielet tim mill-aħħar tal-Kampjonat Premier, l-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni jilagħbu play-off kontra min jispiċċa t-tielet fl-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni rispettivament. L-iskeda kompluta tal-logħob kollu mistennija toħroġ lejn tmiem Lulju.

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier

Birkirkara v Floriana

Sirens v Senglea A.

Balzan v Sliema W.

Tarxien R. v Mosta

Valletta v Santa Lucia

Gudja U. v Hibernians

Gżira U. v Ħamrun S.

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

Pietà H. v Mqabba

Swieqi U. v Naxxar L.

Lija A. v Pembroke A.

Żejtun C. v Żebbuġ R.

Vittoriosa S. v Qrendi

Fgura U. v St. Andrews

St. George’s v Qormi

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni

Xgħajra T. v Luqa SA

Marsa v Rabat A.

San Ġwann v Mġarr U.

Melita v Mellieħa

Żurrieq v Birżebbuġa SP

Kalkara v Marsaxlokk

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni

Msida SJ v Kirkop U.

Mtarfa v Mdina K.

Għaxaq v Attard

St. Venera L. v Għargħur

Dingli S. v Marsaskala

Ta’ Xbiex v Siġġiewi