Lokali

Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Pulizija

Bdew iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ Jum il-Pulizija … ċelebrazzjonijiet li ser ikomplu matul il-ġranet li ġejjin, u li jilħqu l-qofol tagħhom il-Ġimgħa 12 ta’ Lulju propju f’Jum il-Pulizija.

Fl-ewwel ġurnata ta’ ċelebrazzjonijiet, f’dik li taħbat il-205 sena mit-twaqqif tal-korp lura fl-1814, u li jagħmlu wieħed mill-eqdem – sar kunċert mill-banda tal-Korp tal-Pulizija li qed ifakkar wkoll 25 sena mit-twaqqif mill-gdid ta’ din il-banda… banda li bħalissa hija taħt it-tmexxija tal-Maestro Anthony Cassar.

Ritratt: Martin Agius

Quddiem numru sabiħ ta’ persuni li nġabbru quddiem il-Parlament biex isegwu, il-pulizija offrew esebizzjoni bil-klieb tal-korp filwaqt li s-Surġent Matthew Attard spjega lill-pubbliku l-livell ewropew li għandhom it-30 kelb li jiffurmaw parti minn din is-sezzjoni. Interessanti l-fatt li din is-sezzjoni twaqqfet madwar 40 sena ilu u l-klieb kollha jiġu mħarrġa speċifikament għall-irwoli tagħhom… fosthom ġriewi li huma ulied klieb ohra li jiffurmaw parti minn din l-istess sezzjoni.

Ritratt: Martin Agius

Fid-daħla tal-Belt kien hemm wirja ta’ karozzi u muturi…kemm tal-preżent u anke dawk antiki li ntużaw tul is-snin fi-Korp tal-Pulizija fosthom Ford Cortina u Hillman.

Ritratt: Martin Agius

Apparti żwiemel tal-pulizija, kien hemm ukoll stands tat-team tal-forensika u oħrajn tal-informazzjoni fejn fosthom, il-pubbliku seta jikseb informazzjoni u japplika biex jissieħeb mal-korp bħala spettur jew kuntistabbli.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu l-Erbgħa 3 ta’ Lulju fl-Imdina qabel jimxu għal Tas-Sliema l-Ġimgħa 5 ta’ Lulju. Fost aktar lokalitajiet, iċ-ċelebrazzjonijiet ser ikunu f’Marsalforn f’Għawdex it-Tnejn 15 ta’ Lulju.