Lokali

Jissokta l-pjan tal-Avukat ta’ Muscat biex idawwar Palazz tat-18-il seklu fi blokka uffiċini

L-Avukat ta’ Joseph Muscat, Pawlu Lia u Uffiċjali għolja oħra tal-Gvern, issoktaw bil-pjan tagħhom biex idawru Palazz tat-18-il seklu fil-qalba tal-Belt Valletta fi blokka uffiċini ta’ erba’ sulari.

Is-sit, li jinsab fi Triq l-Ifran u li hija f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, diġà kellha l-applikazzjoni approvata fl-2018 għal estensjoni tat-tielet u r-raba’ sular.

Filwaqt li fil-bidu, id-Direttorat tal-Ippjanar approva dan il-proġett, is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali oġġezzjonat minħabba l-għoli tal-binja.

Għaldaqstant, wara li f’Diċembru li għadda saret talba biex id-deċiżjoni tkun ikkunsidrata mill-ġdid, il-permess ma ħariġx minħabba li l-proġett ma laħaqx il-miri tal- Kummissjoni għad-Drittijiet għall-Persuni b’Diżabbiltà.

Madankollu, għal darb’oħra, Lia reġà applika biex jibni l-uffiċini kif kienu ġew approvati fl-applikazzjoni inizjali.

Il-pubbliku jista’ jixħet l-oġġezzjonijiet tiegħu sas-26 ta’ Lulju.

Tajjeb li wieħed jinnota: Minbarra li hu l-Avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Pawlu Lia hu wkoll Rappreżentant tal-Gvern fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, responsabbli mill-azzjonijiet dixxiplinarji fil-konfront tal-Ġudikatura u l-Avukati.

Dan filwaqt li kien involut f’numru ta’ każijiet fil-Qorti, fejn kien involut il-Partit Laburista u l-esponenti tiegħu. L-aktar każ riċenti kienet il-kawża li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex tiġi ppubblikata l-verżjoni sħiħa tal-Inkjesta Egrant.

Sadanittant, fl-aħħar xhur il-mara tat-tifel ta’ Pawlu Lia, Nadine Lia, ġiet maħtura mill-Gvern bħala Maġistrat.