Il-Malta Football Players Association nediet kollaborazzjoni ġdida mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Il-kollaborazzjoni tinvolvi numru sabiħ ta’ studenti li jitħarrġu fil-futbol li se jkunu qed imorru fir-Renju Unit biex jitħarrġu u jilagħbu kontra uħud mill-aħjar akkademji.
Din l-opportunità se tagħti lill-plejers żgħażagħ l-okkażjoni biex jesperjenzaw il-ħajjata’ plejer professjonali, jikkompetu fl-ogħla livelli u jesponu t-talenti tagħhom quddiem aġenti barranin.
Il-kowċ Paul Zammit tkellem fid-dettall dwar il-programm li se jkollhom l-istudenti u saħaq dwar l-importanza ta’ kampijiet ta’ taħriġ bħal dawn biex jikber l-għarfien dwar il-ħajja ta’ student u atleta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo għamel referenza għall-position paper il-ġdida tal-MFPA li l-iżvilupp tat-talent lokali hu wieħed mill-pilastri prinċipali. Hu żied li dan il-proġett hu konformi ma’ dan l-objettiv minħabba li permezz ta’ dan l-investiment, qed tingħata opportunità ta’ żvilupp uniku lill-plejers promettenti ta’ 16 u 17-il sena.
Din l-inizjattiva qed tkun iffinanzjata mill-MFPA bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport. Il-plejers jinsabu għaddejjin bit-taħriġ u se jkunu qed jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>