Futbol Sport

L-Istati Uniti tikkwalifika għat-tielet finali konsekuttiva f’semifinali eċċitanti

(Ritratt: EPA)

It-tamiet tal-Ingilterra li tgħaddi għall-ewwel finali tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa taru mar-riħ hekk kif kienet megħluba mill-Istati Uniti 2-1 f’logħba missielta u mimlija tensjoni. L-Amerikani saru l-ewwel nazzjon li għadda għat-tielet finali tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa b’mod konsekuttiv.

Determinanti kien il-penalty mitluf minn Steph Houghton fl-84 minuta b’xutt fil-baxx li kien salvat minn Alyssa Naeher. Ftit minuti wara d-difensur Millie Bright ntweriet it-tieni karta safra biex l-Ingliżi sfaw eliminati fis-semifinali għat-tielet tournament maġġuri konsekuttiv.

Iċ-champions tad-dinja fetħu l-iskor wara 10 minuti bi kross ta’ Kelley O’Hara lejn Christen Press li għoliet tajjeb u b’daqqa ta’ ras għelbet lil Carly Telford. Il-vantaġġ ftit damu jgawduh għaliex l-Ingilterra ġabet id-draw fid-19-il minuta bi kross fil-baxx ta’ Beth Mead issib lill-attakkant Ellen White li b’opportuniżmu għelbet lil Naeher mill-viċin.

L-Istati Uniti reġgħet marret fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob bi kross preċiż ta’ Lindsey Horan issib lil Alex Morgan li għelbet in-nasba tal-offside u b’daqqa ta’ ras tajba ma tat l-ebda ċans lil Telford issalva.

Fit-tieni taqsima, l-Ingilterra tjiebet u poġġiet aktar pressjoni fuq l-Istati Uniti. Fis-67 minuta t-tim ta’ Phil Neville ħaseb li ġab id-draw b’passaġġ vertikali ta’ Jill Scott lejn White li bi preċiżjoni għelbet lil Naeher fil-baxx. Iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Edina Alves Batista ħassret il-gowl għal offside marġinali.

L-Amerikani se jfittxu li jirbħu l-kompetizzjoni għal rekord erba’ darbiet. Din kienet il-11-il rebħa konsekuttiva għalihom li hu rekord fil-kompetizzjoni, bl-aħħar telfa tmur lura għas-sena 2011. Huma saħansitra qatt ma tilfu logħba fit-Tazza tad-Dinja li skorjaw l-ewwel fiha, b’36 rebħa u erba’ logħbiet li spiċċaw f’parità.