Kunsilli Lokali Lokali

Petizzjoni mir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar

Fid-dawl tal-ħafna kwistjonijiet li r-residenti tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar qed jiffaċċjaw bħalissa (inkluż Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija) marbutin mal-problema tar-rimi tal-iskart, kif ukoll problemi ikkaġunati mis-siti tal-kostruzzjoni, ir-residenti ingħaqdu flimkien u għamlu petizzjoni  b’lista ta’ talbiet biex jiġu ppreżentati lill-Kunsill Lokali fejn qed isejħu għal bidliet immedjati biex titjieb il-ħajja fil-lokalità.
Ir-residenti qed jgħidu li “ta’ kuljum qed insofru l-inkonvenjent, kemm fiżiku kif ukoll mentali, li ngħixu jew naħdmu f’żona fejn il-bankini huma blokkjati b’turruni ta’ skart, fejn ir-regoli dwar it-trab, l-istorbju u s-sigurtà waqt it-twaqqigħ tal-bini huma njorati kontinwament, filwaqt li l-ġrieden jiżfnu fit-toroq tagħna”.

Il-kwistjoni tar-rimi tal-iskart ingħatat importanza sinifikanti mill-midja f’dawn l-aħħar ġimgħat, minħabba li l-problema eskalat ġmielha.

Ir-residenti qed jitolbu li jsir ġbir aktar frekwenti tal-iskart biex ilaħħqu mal-ammont ta’ skart li qed ikun hemm u biex isir ġbir ta’ skart goff minn ċerti żoni magħżulin. Issemmiet ukoll l-importanza tal-infurzar tal-ġbir tal-iskart minn gwardjani ekoloġiċi fit-toroq, l-użu ta’ CCTVs f’ċerti bnadi iktar problematiċi, kif ukoll tindif tat-toroq kuljum biex ikun żgurat li l-iskart jitneħħa kollu.

Ir-residenti qed jitolbu li jsir infurzar fuq negozji li qegħdin jagħmlu użu mis-sistema pubblika tal-iskart, iktar kontenituri u skips madwar il-lokalità u li l-qligħ mill-multi jiġi użat mill-Kunsill għal proġetti ta’ titjib.
Rigward is-siti tal-kostruzzjoni li hemm fl-inħawi, ir-residenti ilhom jesprimu t-tħassib tagħhom peress li dawn qed iħallu impatt negattiv fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, speċjalment meta tikkunsidra li 520 permess ġew maħruġa f’din il-lokalità biss.

Ir-residenti qed jesiġu li l-bankini jridu jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku anki waqt ix-xogħol tal-kostruzzjoni u kwalunkwe bankina li titkisser minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni trid tiġi rranġata mill-iżviluppatur fi ftit jiem. Barra minn dan, jeħtieġ li jkunu mposti limiti ta’ żmien jew dati ta’ skadenza għal xogħol ta’ kostruzzjoni. Il-volum ta’ permessi għal bini ta’ proġetti residenzjali u kummerċjali irid ikun limitat, minħabba li dan qed ikun il-kawża prinċipali ta’ ammont ta’ storbju, trab u konġestjoni ta’ traffiku.

Ir-residenti qed jitolbu li jsir infurzar xieraq tar-regolamenti tal-kostruzzjoni, kontroll fuq it-trabijiet u l-ħarsien tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li Uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar ikunu fuq is-sit biex ikunu ċerti li l-kundizzjonijiet qed jiġu rispettati.

Qed jipproponu wkoll li jkunu ristretti s-sigħat li waqthom jista’ jsir bini u skavar/twaqqigħ, li jkun hemm limitu fuq in-numru ta’ toroq li jingħalqu minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni u fuq in-numru ta’ postijiet tal-parkeġġ li jittieħdu mir-residenti.

Ir-residenti varaw petizzjoni biex jirċievu appoġġ għal dawn it-talbiet, li mbagħad se tiġi ppreżentata lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Jekk dawn it-talbiet ma jiġux milqugħa fi żmien raġonevoli, azzjonijiet oħra se jiġu ppjanati biex issir sejħa għal lokalità aħjar.